Saturday, December 21, 2024

Imnedija “Fun Fit Football” mill-MFA u mill-Ministeru tal-Edukazzjoni

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u Sport, Clif­ton Grima, u l-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, nedew inizjattiva ġdida bl-isem ta’ “Fun Fit Football”. Dan il-programm ġdid se jkun mifrux madwar l-iskejjel tal-Gvern kollha f’Malta u Għawdex u hu wieħed mill-inizjattivi l-ġodda li ħadet f’idejha l-Fondazzjoni “Inħobb il-Futbol”.  

It-tnedija ta’ dan il-programm sar fl-iskola primarja ta’ Ħal Lija fejn fil-preżenza tat-tfal u l-għalliema ngħataw l-aħħar dettalji dwar il-pjan ‘il quddiem li qed tħejji din il-fundazzjoni. 

Tkellem il-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, li semma’ kemm din il-ġurnata tista’ titqies bħala waħda sabiħa minħabba li l-assoċjazzjoni qed twettaq waħda mill-viżjonijiet tagħha fejn għandu x’jaqsam il-grassroots u kemm hu importanti li l-isport jitgawda minn kulħadd.  

“Nafu kemm f’Malta hawn problema ta’ obeżitá, ħafna jgħixu ħajja sedentarja u ċertament li din mhux sitwazzjoni ideali. Minkejja kollox, qed noffru dan il-programm għat-tfal kollha li jinsabu fl-iskej­jel primarji fil-Gżejjer Maltin.” 

Is-Sur Vassallo jittama li dan il-programm jgħin lit-tfal sabiex iwittilhom it-triq lejn bidu ta’ ħajja sportiva li hi essenzjali sabiex ikollna futur b’ċittadini aktar b’saħħithom. 

Huwa faħħar il-Fondazzjoni “Inħobb il-Futbol” li qed tagħmel biċċa xogħol kbira u qed tgħin sabiex ixxettel l-imħabba lejn l-isport partikolarmnet il-football.  

“Din il-fondazzjoni qed tkun xprun lejn ħajja aktar sportiva għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna li qed jitħarrġu f’infrastruttura ta’ livell bit-tama li tkompli titgawda aktar fis-snin li ġejjin.” 

Tkellem ukoll il-Ministru għall-Edukaz­zjoni u l-isport, Clifton Grima, li faħħar din l-inizjattiva tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football. 

“L-MFA kienet ferm pro-attiva f’din id-deċiżjoni li ħadet u se tgħin sabiex naraw aktar tfal jaqbdu sport partikolari. Minn hawn nixtieq inħeġġeġ aktar assoċjazzjonijiet sabiex jersqu ‘l quddiem filwaqt li jaħdmu id f’id mal-gvern u eventwalment noħolqu programmi simili.” 

“Biex it-tfal ikollhom edukazzjoni sħiħa apparti l-parti akkademika li hi ferm importanti, tidħol ukoll il-fażi sportiva li apparti li tagħti opportunitajiet kbar fost lill-istudenti, fl-istess waqt tgħinhom anke jkunu ferm aħjar fiżikament. Għalhekk din il-kollaborazzjoni bejn l-MFA u l-Gvern ċentrali se tgħin sabiex aktar tfal jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi u aħna bħala ministeru ninkoraġixxu dawn il-programmi.” 

L-Onorevoli Grima temm jgħid  li bi pro­grammi bħal dawn it-tfal se jkol­lhom benefiċċju kbir li jgħin ukoll sabiex tinżera l-kultura sportiva li f’dawn l-aħħar snin qed tiżdied għalkemm fadal ħafna xi jsir.  

Finalment ingħataw dettalji oħra dwar din l-inizjattiva li qed tinfirex madwar l-iskejjel f’Malta u Għawdex mat-tfal bejn l-ewwel u s-sitt sena tal-primarja. Mill-ewwel mumenti ta’ dan il-programm jingħad li t-tfal qed juru entużjażmu kbir u qed jistennew ferm dawn is-sessjonijiet li jagħ­tuhom ftit ċans jipprattikaw l-isport li tant iħobbu. 

Ekonomija

Sport