Sunday, November 24, 2024

Imnedija għall-konsultazzjoni pubblika l-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Ġustizzja Diġitali

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis nieda t-tieni fażi tal-Konsultazzjoni Pubblika għall-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Ġustizzja Diġitali.

L-għan ta’ din l-istrateġija huwa li nsaħħu l-użu tat-teknoloġija fis-settur tal-ġustizzja, bil-mira li s-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna tkun waħda iktar effiċjenti, effettiva u aċċessibbli. Dan id-dokument issa se jkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku biex jaqsam l-ideat u jagħti l-kontribut tiegħu.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Edward Zammit Lewis fakkar kif bħal dan iż-żmien sena, flimkien mad-Direttur Ġenerali għar-Riformi u l-Kunsill Ewropew, kienet ġiet imnedija l-ewwel parti ta’ dan il-proċess konsultattiv – liema proċess kien mifrux fuq perjodu ta’ sena – fejn il-European Commission for the Efficiency of Justice (CEPEJ) kkonsultaw din l-istrateġija ma’ numri ta’ entitajiet li huma relatati mas-settur tal-ġustizzja ta’ pajjiżna, kif ukoll mas-settur tal-informatika. 

Huwa kompla billi spjega kif, permezz tal-ewwel parti ta’ din il-konsultazzjoni, inħoloq id-dokument li qed jiġi mniedi llum. Dan id-dokument huwa immirat li jilħaq għan prinċipali, li jagħmel l-aħjar użu mit-teknoloġiji disponibbli, filwaqt li jirrispetta s-saltna tad-dritt, kif ukoll id-drittijiet taċ-ċittadini kollha.

Il-Ministru spjega kif din l-istrateġija hija mibnija fuq  sitt prinċipji partikolari li huma; is-saltna tad-dritt, smigħ xieraq, l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni, id-dritt għar-rimedji ġudizzjarji, il-privatezza u protezzjoni tal-informazzjoni personali, u l-promozzjoni tal-inklussività diġitali.

Barra minn hekk, hemm ukoll erba’ għanijiet strateġiċi li wieħed tajjeb isemmi. Din l-istrateġija se tgħin sabiex twassalna f’punt fejn il-waqtiet li l-ġustizzja tkun waħda bbażata fuq teknoloġija diġitali ssir in-norma u mhux l-eċċezzjoni.

Din se tiżgura li l-aċċess għall-ġustizzja jiġi implimentat abbażi tal-bżonnijiet tal-individwu li juża s-servizz. Se tassigura wkoll li l-informazzjoni miġbura u provduta tibqa’ waħda valida maż-żminijiet u sservi bħala bażi soda li fuqha wieħed jistà jibni u joħloq għodod diġitali oħrajn. L-aħħar għan strateġiku ta’ din l-istrateġija huwa li jingħata taħriġ lil individwi differenti li ġejjin minn oqsma tal-ħajja vasti. Dan sabiex jiġi assigurat li din l-istrateġija tasal għand kulħadd.

Il-Ministru Zammit Lewis għalaq id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ lill-pubbliku jipparteċipa, u spjega li din l-istrateġija tkun suċċess biss jekk kull stakeholder u individwu li se jiġi affetwat minnha jagħti l-kontribut tiegħu.

Huwa enfasizza kemm din l-inizjattiva qed tkompli tkun xhieda ħajja ta’ kemm dan il-gvern qed jinvesti u jaħdem fil-qasam tal-ġustizzja u s-saltna tad-dritt. Bħala Ministru għall- Ġustizzja u Governanza, huwa jibqa’ kommess li jwettaq, biex pajjiżna jibqa’ jiġi mfaħħar barra minn xtutna u jibqa’ konformi ma’ standards Ewropej u internazzjonali.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-pjan ta’ azzjoni għall-ġustizzja diġitali huwa żgur proċess importanti li fuqu nistgħu nibnu diversi passi għall-ġejjieni.

Hu kompla jgħid li, permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, qed titfassal din l-istrateġija sabiex ikollna aktar investiment f’dan is-settur li jgħinna nkomplu nsaħħu s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Dr Zrinzo Azzopardi qal li mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza se jkollna investiment ta’ madwar €10 miljun sabiex ikollna aktar diġitalizzazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja. Dan huwa pass importanti li permezz tiegħu se nagħtu aktar għodod biex naraw li l-qasam tal-ġustizzja f’pajjiżna jkun aktar effiċjenti u jagħti servizz aħjar liċ-ċittadin.

Wieħed jista’ jipparteċipa f’din il-konsultazzjoni pubblika billi:

  • Jidħol fis-sit elettroniku:

https://meae.gov.mt/en/Pages/PublicConsultations.aspx

  • U/jew jibgħat email fuq:

[email protected]

Il-konsultazzjoni se tkun miftuħa għal tliet ġimgħat  u tagħlaq nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Ottubru.

Sport