Thursday, June 26, 2025

Imnedija għall-konsultazzjoni pubblika liġijiet dwar l-awtonomija personali u l-protezzjoni ta’ adulti vulnerabbli

Aqra wkoll

Tħabbru żewġ abbozzi ta’ liġijiet li jimplimentaw wegħda elettorali importanti tal-Gvern u li għandhom l-għan li jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna b’diżabilità f’pajjiżna.

L-abbozz tal-att dwar l-Awtonomija Personali se jiggarantixxi li kull persuna jkollha d-dritt li tiddeċiedi dwar ħajjitha ta’ kuljum. Dan jinkludi wkoll l-appoġġ meħtieġ biex tkun tista’ tieħu dawn id-deċiżjonijiet b’mod awtonomu. Hija sistema ġdida li tirrispetta d-dinjità tal-persuna u tnaqqas is-sitwazzjonijiet fejn oħrajn jiddeċiedu f’isimha, ħlief f’każijiet verament estremi.


Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.

Fl-istess waqt, l-Abbozz tal-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti f’Sitwazzjonijiet ta’ Vulnerabilità (PASVA) se joħloq qafas legali sabiex jipproteġi lil dawn l-individwi minn abbuż, ħsara jew negliġenza. Se jiġu appuntati uffiċjali ddedikati li jaħdmu ma’ diversi entitajiet u professjonisti biex jassiguraw li l-vuċi tal-adulti tinstema’, u li jingħataw l-assistenza meħtieġa, anke permezz ta’ intervent tal-qorti meta jkun meħtieġ.

Għalkemm sar progress, is-sistema preżenti f’Malta għadha ma tagħtix l-opportunità lill-persuni kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet għalihom infushom. B’appoġġ xieraq, persuna tista’ tkun involuta b’mod attiv f’deċiżjonijiet importanti – kemm dawk żgħar ta’ kuljum kif ukoll dawk ikbar relatati, pereżempju, ma’ kwistjonijiet ta’ wirt.


Dawn il-passi huma risposta diretta għal dak li kien qal il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità wara li eżamina lil Malta fl-2018. Minn dak iż-żmien, saru konsultazzjonijiet estensivi ma’ entitajiet governattivi, professjonisti, NGOs, kif ukoll mal-persuni affettwati u l-familji tagħhom. Il-liġijiet ġew ukoll maħduma skont pariri ta’ esperti internazzjonali, inklużi żewġ Rapporteurs Speċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Malta se tkun fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artiklu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, flimkien ma’ pajjiżi bħall-Irlanda, Spanja u l-Awstrija.

Il-liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti se tippermetti wkoll kawżi kriminali u ċivili fejn ikun hemm bżonn, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ ċertifikazzjoni għal min jaħdem ma’ adulti vulnerabbli u reġistru għal dawk li jinstabu ħatja ta’ reati kontra dawn l-adulti. Dawk irreġistrati bħala ħatja ma jkunux jistgħu jibqgħu jaħdmu jew jagħmlu volontarjat ma’ adulti vulnerabbli.

Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “Illum, bħala Gvern, qed nieħdu pass storiku lejn Malta aktar ġusta, aktar umana u tassew inklużiva. Dawn il-liġijiet mhumiex biss riformi fuq il-karta—huma affermazzjoni ċara tal-valuri tagħna bħala soċjetà li temmen fid-dinjità, fl-awtonomija u fid-drittijiet ta’ kull persuna, irrispettivament mid-diżabilità, l-età jew is-saħħa tagħha. Qed ninbidlu minn sistema li tagħżel min għandu dritt jiddeċiedi għalih innifsu għal waħda li tagħti s-setgħa lill-individwu stess, bl-appoġġ li jkun jeħtieġ. Din hija Malta li tisma’, li titgħallem, u li twettaq. Malta li tmexxi ’l quddiem b’kuraġġ u b’viżjoni, anke fejn ħafna pajjiżi oħra għadhom lura. B’determinazzjoni u bi mħabba lejn il-poplu tagħna, qed nimxu ’l quddiem biex il-wegħdiet tagħna jsiru realtà u biex inkunu verament pajjiż li ma jħalli lil ħadd warajh.”


Id-dokument tal-konsultazzjoni pubblika huwa aċċessibbli fuq http://publicconsultation.gov.mt/ fejn se jintlaqgħu s-suġġerimenti u l-kummenti sa nhar it-8 ta’ Awwissu 2025. Tista’ tintbagħat ukoll email fuq [email protected] jew inkella korrispondenza bil-posta fuq l-indirizz Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità, Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Triq in-Negozju, Birkirkara CBD 3000.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport