Thursday, November 6, 2025

Imnedija kampanja biex aktar persuni jiffosterjaw tfal

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, nediet kampanja informattiva u li tħeġġeġ aktar persuni u familji jidħlu fl-irwol ta’ ‘foster carers’.

Mixja meqjusa bħala missjoni u li tagħti sigurtà, imħabba u l-istabbiltà meħtieġa fil-ħajja tat-tfal, f’perjodu ta’ żvilupp tant importanti.

Din il-kampanja nazzjonali kienet imnedija l-Erbgħa filgħodu waqt konferenza li matulha ġew mitkellma diversi esperjenzi ta’ foster carers, u oħrajn li anke daħlu għal din ir-responsabbiltà għal ftit żmien sakemm il-ġenitur ikun irċieva t-trattament meħtieġ.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, tkellem dwar kif dan il-Gvern huwa kommess li jiffaċilita l-proċess tal-‘fostering’ u l-adozzjonijiet, permezz ta’ tibdil leġislattiv u anke permezz t’għajnuna finanzjarja.

“Mis-sena d-dieħla ser inkomplu nsaħħu l-Fostering allowance, fejn din  ser titla’ għal €6,760 fis-sena. Fl-istess waqt ser inkomplu nagħtu dritt lill-foster carers għal ‘Parental Leave’,  u din ser tibda tapplika wkoll għal ġenituri li jaħdmu għal rashom,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.  

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, qal li f’Malta hawn 230 tfal li qed jiġu fostered f’familji differenti u li hemm ukoll tfal li qed ifittxu familja sabiex jiġu fostered. 

Min-naħa tagħha, id-Direttur għall-Kura Alternattiva fi ħdan l-FSWS, Remenda Grech saħqet fuq il-ħtieġa li jkun hemm aktar foster carers, u assigurat li min jagħżel dan ir-rwol jingħata appoġġ 24 siegħa kuljum għal sebat ijiem fil-ġimgħa. Hi tkellmet dwar l-importanza tat-taħriġ fit-trawma u l-prattika ‘trauma-informed’.

Matul din il-konferenza tnediet diska dwar il-fostering bl-isem, ‘Naf min jien’, miktuba minn Dr Kevin Borg, pedjatra fi ħdan id-Direttorat għall-Kura Alternattiva.

Kull min jixtieq jagħmel kuntatt u jikseb aktar għarfien dwar il-fostering lokali, jista’ jikkomunika ma’ professjonisti tal-FSWS fuq in-numru 1778.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport