Sunday, December 22, 2024

Imnedija konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, tnediet għal konsultazzjoni pubblika l-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja 2024-2031 bit-tema ‘Nilħqu Livelli Ġodda’. Din l-istrateġija ser ikollha l-għan li ttejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tas-servizzi u l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni fil-gżejjer Maltin li jgħixu b’din il-kundizzjoni.

Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega l-viżjoni tal-gvern dwar dan is-suġġett. Qal ukoll li din l-istrateġija tibni fuq il-progress li sar matul l-implimentazzjoni tal-ewwel strateġija nazzjonali għad-dimensja. Kompla li saret analiżi tal-miri implimentati fl-ewwel strateġija, kif ukoll twettqet riċerka dwar prattiċi ġodda bbażati fuq l-evidenza. Minn din l-evalwazzjoni, ġew identifikati diversi oqsma ta’ azzjoni fl-istrateġija mħabbra llum, sabiex jiġi indirizzat dak li pajjiżna jeħtieġ biex jilħaq livelli ġodda f’dan is-settur ta’ kura.

Il-Ministru Abela qal li din l-istrateġija tistabbilixxi viżjoni dwar kif nies li għandhom id-dimensja jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar permezz tat-tibdil meħtieġ kemm fis-soċjetà, fil-policies u fis-servizzi pprovduti.

Din l-istrateġija tidentifika oqsma ta’ prijorità li se jgħinu lin-nies li jgħixu bil-kundizzjoni tad-dimensja u lil dawk li jieħdu ħsiebhom. L-għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz tal-oqsma ta’ azzjoni identifikati f’din l-istrateġija jinkludu li jiżdied l-għarfien dwar id-dimensja; jitnaqqas ir-riskju li persuna tiżviluppa d-dimensja billi jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni; li tingħata dijanjosi bikrija tad-dimensja; titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ persuni li jgħixu bid-dimensja; aktar taħriġ għall-persuni li jaħdmu ma’ individwi bid-dimensja; tissaħħaħ is-sistema ta’ kura ħolistika li tpoġġi l-persuna fiċ-ċentru tal-pjan ta’ kura; fost diversi miżuri oħra.

“Permezz ta’ din l-istrateġija, ser inkomplu nwettqu l-viżjoni ta’ dan il-gvern li nkomplu ntejbu is-servizzi li noffru li jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jissottometti kwalunkwe kummenti jew suġġerimenti dwar l-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja sat-30 ta’ Novembru 2023. Id-dokument ta’ konsultazzjoni jista’ jiġi aċċessat hawn.

Ekonomija

Sport