Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda sejħa għall-applikazzjonijiet għall-fond ta’ Rock’N Malta għall-2026, fejn ġew allokati total ta’ €1,000,000 f’fondi sabiex jipprovdu għajnuna lill-organizzaturi, il-promoturi u l-artisti u bands ta’ avvenimenti tal-mużika rock.
Dan il-fond għal darb’oħra qed jiġi amministrat minn Festivals Malta.
Il-Ministru Bonnici qal, “Dan hu pass ieħor b’saħħtu biex inkomplu nsaħħu x-xena tal-mużika rock f’pajjiżna u inizjattivi bħal dawn jagħtu opportunità lill-artisti u lill-promoturi lokali biex jesprimu t-talent tagħhom u joħolqu avvenimenti ta’ livell għoli. Grazzi lil Festivals Malta talli qed tkompli tkun spalla importanti fil-kultura Maltija.”
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal li, “Għal sena oħra qed nerġgħu nħabbru dan il-fond li joffri tant għajnuna lill-organizzaturi u promoturi fix-xena tal-mużika rock. Kommessi li nkomplu ninvestu f’dan is-settur biex dejjem intejbu l-kwalità ta’ avvenimenti offruti lokalment. Inħeġġeġ lill-promoturi u lill-organizzaturi biex jilqgħu l-istedina tagħna u japplikaw għal dan il-fond.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, qal li “Rock’N Malta huwa pjattaforma importanti għal Festivals Malta għax permezz ta’ dan il-fond nilħqu settur mużikali li tant huwa popolari f’pajjiżna. Permezz tal-għajnuniet li offrejna b’dan il-fond, din is-sena rajna diversi gruppi bħal Dire Straits Legacy, Apocalyptica, Zucchero u oħrajn li nġiebu f’pajjiżna, filwaqt li konna ta’ għajnuna wkoll lil diversi festivals lokali bħal Rockwired, Rock the South, Dark Malta u ħafna oħrajn.”
L-applikazzjonijiet għall-fondi ta’ Rock’N Malta 2026 jagħlqu fl-21 Novembru 2025. Kull min hu interessat japplika għandu jżur is-sit www.festivals.mt/rocknmalta.

