Fit-tnedija tal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva din l-Awtorità bħala pass ieħor lejn Malta aktar b’saħħitha u sostenibbli, li se ssaħħaħ il-governanza u l-protezzjoni tas-sigurtà tal-ikel f’pajjiżna.
Stabbilita permezz tal-Att tal-2025 dwar l-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel, l-Awtorità għandha l-għan li tassigura li kull ikel prodott, ipproċessat jew importat f’Malta jkun sigur, ta’ kwalità, u traċċabbli tul il-katina kollha tal-ikel, mill-bdiewa u s-sajjieda sal-manifatturi, tar-ristoranti u l-konsumaturi.
L-Awtorità se tissorvelja l-konformità mal-liġijiet u l-istandards Ewropej u internazzjonali, filwaqt li tkompli tħares is-sigurtà u s-sostenibbiltà tas-sistema tal-ikel f’pajjiżna. Għalhekk il-ħolqien ta’ din l-Awtorità huwa investiment fit-tul fis-saħħa pubblika, fil-kompetittività ekonomika u fil-fiduċja taċ-ċittadin.
Il-Prim Ministru tenna li l-ħidma tal-Awtorità hija konformi mal-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li tħares lejn futur b’sistema agrikola sostenibbli, innovattiva, li ssaħħaħ il-prodott lokali u tiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel għal ġenerazzjonijiet futuri.
Dr Abela saħaq li l-Gvern qed jinvesti biex isaħħaħ l-infrastruttura pubblika relatata mal-ikel, permezz ta’ diversi inizjattivi inkluż il-modernizzazzjoni tal-Biċċerija Pubblika, sistemi moderni ta’ traċċabbiltà “mill-għalqa sal-mejda” għall-frott u l-ħxejjex mibjugħa mill-Pitkalija, kif ukoll permezz tal-bini ta’ suq agrikolu ġdid u tal-Food Innovation Hub b’investiment ta’ madwar €20 miljun. Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-inizjattivi oħra bħall-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel, il-protezzjoni tal-art agrikola u l-promozzjoni tal-konsum ta’ ħut lokali.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo tenna s-sodisfazzjon tiegħu għat-tnedija tal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel, u qal li dan huwa mument importanti għall-pajjiż, fejn għall-ewwel darba qed tinħoloq struttura nazzjonali waħda li tgħaqqad taħt saqaf wieħed il-funzjonijiet kollha relatati mas-sigurtà tal-ikel f’Malta u Għawdex.
“Din l-Awtorità hija frott ta’ viżjoni ċara u ta’ ħidma konġunta biex inwasslu sistema tal-ikel aktar koordinata, trasparenti u xjentifikament infurmata. B’dan il-pass, qed inpoġġu lill-konsumatur fiċ-ċentru tas-sistema, filwaqt li nsaħħu l-fiduċja bejn il-bdiewa, ir-raħħala, is-sajjieda, in-negozjanti u l-familji Maltin u Għawdxin,” qal il-Ministru Refalo.
Hu żied jgħid li t-tnedija ta’ din l-Awtorità tikkonferma l-impenn tal-Gvern lejn ikel sigur, sostenibbli u ta’ kwalità, filwaqt li tħejji lill-pajjiż biex jaffaċċja sfidi globali bħall-bidla fil-klima u l-kriżijiet fil-provvista tal-ikel. “Meta nħarsu l-ikel, aħna qegħdin inħarsu s-saħħa pubblika, il-familji tagħna u l-futur ta’ pajjiżna. Għax fl-aħħar mill-aħħar, dak li nieklu jiddetermina min aħna bħala poplu,” temm jgħid il-Ministru Refalo.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura u l-Ikel, Christophe Hansen qali li ż-żjara tiegħu f’Malta ppermettitlu jisma’ direttament lill-bdiewa u jifhem l-bżonnijiet tas-settur agrikolu f’kuntest ta’ gżira unika. “Madwar l-Unjoni Ewropea, smajt it-tħassib u t-tamiet tal-bdiewa, u Malta mhix eċċezzjoni. Minkejja d-differenzi tagħna madwar l-Ewropa, il-prijoritajiet għall-agrikoltura hawnhekk huma daqstant simili, mill-iżgurar tas-sigurezza tal-ikel sal-prospetti reali li rridu noffru għall-bdiewa żgħażagħ. Iż-żjara tiegħi tal-lum f’razzett tal-ħalib tipiku Malti mmexxi minn bidwi żagħżugħ, ftakart fl-impenn ċar tagħna li nżommu s-settur agroalimentari tagħna produttiv, reżiljenti, u appoġġjat minn politika Ewropea li tirrifletti r-realtajiet lokali,” sostna l-Kummissarju Hansen. Huwa żied jgħid li jinsab ħerqan biex jaħdem mal-awtoritajiet Maltin, fosthom anke l-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel li għadha kemm twaqqfet biex dik il-viżjoni tkun realtà.
Id-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel, Dr Nikolaus Kriz feraħ lill-Gvern u lill-poplu Malti għat-twaqqif tal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel. “It-tnedija ta’ din l-Awtorità mhix biss tragward importanti għal Malta, iżda ukoll aħbar pożittiva anke għas-sistema tas-sigura tal-ikel fl-Ewropa. Meta naħdmu id f’id ikunu f’pożizzjoni aħjar li nipproteġu liċ-ċittadini, l-annimali, kif ukoll lill-ambjent ta’ madwarna,” tenna Dr Kriz.
Qabel it-tnedija tal-Awtorità, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew Christophe Hansen fejn semma l-ħtieġa li l-Politika Agrikola Komuni trid tindirizza wkoll il-ħtiġijiet u l-karatteristiċi tas-settur agrikolu Malti biex nassiguraw li l-qasam jibqa’ jirċievi l-appoġġ meħtieġ b’mod sostenibbli għall-ġid tal-bdiewa u r-raħħala.