Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela nieda l-ewwel fażi tar-riforma tal-Qorti tal-Familja bi prinċipji importanti favur l-aħjar interess tat-tfal, ġustizzja ċċentrata fuq in-nies u effiċjenza u kwalità fis-sistema ġudizzjarja. F’konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru Robert Abela qal li pajjiżna qed jieħu pass storiku ieħor favur il-familji permezz tat-twettiq ta’ riformi li ilhom tant mistennija u li jġibu magħhom tama ġdida u sens qawwi ta’ umanità.
Il-Prim Ministru saħaq kif din ir-riforma hija msejsa fuq konsultazzjoni wiesa’. “F’dawn l-aħħar xhur smajna bosta vuċijiet u esperjenzi li juru b’mod ċar kif is-sistema attwali mhux dejjem kienet qed taqdi biżżejjed. Kien hemm ġenituri li għal snin twal ġew imċaħħda mill-aċċess għat-tfal tagħhom minħabba proċessi li jdumu, u nanniet li wara separazzjoni spiċċaw maqtugħin għal kollox min-neputijiet tagħhom. Fuq kollox, rajna kif it-tfal, dawk li suppost nipproteġu l-aktar, xi kultant spiċċaw iġorru piż emozzjonali li sistema sensittiva kellha fil-verità tevita. Għalhekk, din ir-riforma hija pass kruċjali biex il-ġustizzja tal-familja ssir aktar aċċessibbli, aktar effiċjenti u fuq kollox, aktar umana”, qal Dr Abela.
Il-Prim Ministru spjega li l-qalba tar-riforma tinkludi fost l-oħrajn Qorti tal-Familja awtonoma, jiġifieri issa din il-Qorti mhux se tibqa’ sempliċiment sezzjoni fi ħdan il-Qorti Ċivili, iżda Qorti b’riżorsi speċjalizzati sabiex kwistjonijiet delikati tal-familja jiġu trattati b’urġenza u sensittività. Barra minn hekk issa hemm proċeduri aktar ċari u aktar spediti, biex il-familji ma jibqgħux jistennew snin għal deċiżjoni, għaliex ġustizzja li ddum wisq hija ġustizzja miċħuda.

Il-Prim Ministru żied jgħid li din ir-riforma qed issarraf ukoll f’tisħiħ u titjib fil-medjazzjoni, dan biex il-koppji jsibu triq komuni aktar malajr u l-familji ma jibqgħux f’qagħda ta’ inċertezza għal xhur sħaħ. Dan flimkien ma’ protezzjoni iktar b’saħħitha għat-tfal, fejn l-interess tal-ulied ikun verament fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni. Kif ukoll trattament ġust u bilanċjat tal-ġenituri, b’drittijiet u obbligi rikonoxxuti b’mod ekwu għall-ġenituri, u infurzar effettiv tad-deċiżjonijiet tal-Qorti, u finalment sabiex ordnijiet dwar manteniment jew aċċess ma jibqgħux jiġu injorati.
Dr Abela qal li din ir-riforma tifforma parti minn impenn usa’ favur il-familja u t-tfal. Huwa żied jgħid li ftit jiem ilu tnediet Green Paper dwar l-użu tal-midja soċjali fost l-addoloxxenti u li tħares li tipproteġi lit-tfal u persuni vulnerabbli fid-dinja diġitali, flimkien ma’ miżuri oħra bħal tax cuts għall-familji, u investiment fi spazji miftuħa u servizzi komunitarji.
Il-Prim Ministru rrimarka li r-Riforma tal-Qorti tal-Familja qed timmarka t-twettiq ta’ wegħda elettorali, hekk kif sostna li permezz tagħha nfetaħ kapitlu ġdid. “Kapitlu fejn il-Qorti tal-Familja issa mhux biss tapplika l-liġi, imma tagħmel dan b’qalb, b’ġustizzja u b’umanità”, tenna jgħid Dr Abela.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon stqarr li riforma bħal din, ħadet ħsieb illi fil-qofol tagħha, ikun hemm it-tfal. Dan minħabba n-natura sensittiva ta’ dawn il-każijiet, li jħallu tant pressjoni psikoloġika fuq il-partijiet konċernati, speċjalment it-tfal infushom. ‘‘B’din ir-riforma ser inkunu aktar għajnejna miftuħa lejn manipulazzjoni intenzjonata, filwaqt li nipprovdu avukat tat-tfal anke waqt il-proċess ta’ medjazzjoni, u nagħtu ħin stipulat għal dawk li huma proċessi u medjazzjoni legali. Dawn ir-riformi huma lkoll intiżi sabiex intaffu mill-pjagi li ġġib magħha kull separazzjoni fil-familja,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard sostna li matul dawn is-snin iltaqa’ ma’ varji persuni li qassmu miegħu d-diffikultajiet li għaddew minnhom minħabba kwistjonijiet fil-familja. “Esperjenzi li wrew ċar li kellna niskattaw proċess ta’ Riforma fil-Qorti tal-Familja, proċess li jkun sensittiv, effiċjenti u uman. Illum qed inħabbru riforma li tpoġġi s-sistema kollha f’pożizzjoni li tagħti riżultati aħjar, aktar ġusti u aktar umani. Fiċ-ċentru tagħha hemm l-aħjar interess tat-tfal, mhux bil-kliem iżda bħala modus operandi li għandu jiggwida lill-ġudikatura, lill-professjonisti u lill-partijiet. Din ir-riforma tistabbilixxi bażi legali ċara għall-prinċipju ta’ co‑parenting, filwaqt li ssaħħaħ il-protezzjoni f’każijiet ta’ vjolenza domestika u manipulazzjoni. L-għan tagħna hu wieħed: ġustizzja li tasal fil-ħin, li tħares lill-familja u li tpoġġi lit-tfal fuq quddiem nett f’kull deċiżjoni”, temm jgħid il-Ministru Attard.



