Friday, May 10, 2024

Imnedija l-ewwel strateġija kontra r-razziżmu f’pajjiżna

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici u l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo aktar kmieni nhedew l-ewwel Strateġija Kontra r-Razziżmu f’Malta.

Il-plejer tat-tim Nazzjonali tan-nisa Maya Lucia, qalet li hi kienet vittma ta’ raziżżmu mhux biss f’inċident li spiċċa jiċċirkola fil-midja, iżda f’esperjenzi oħra matul il-karriera tagħha. Hija qalet li tħossha onorata b’din l-istrateġija u tħoss li din hija pass importanti ‘l quddiem.

B’reazzjoni għat-tnedija ta’ din l-istrateġija, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li huwa obbligu tal-politiċi li jmexxu bl-eżempju. 

Bartolo qal li llum uliedna huma l-ambaxxaturi ta’ pajjiż kontra r-razziżmu. Żied jgħid li naraw b’għajnejna li uliedna ma jagħmlux distinżjoni skont il-karnaġġjon huma u jitgħallmu fil-klassijiet jew huma u jilagħbu. 

Bartolo qal li din l-istrateġija għandha tkun opportunità biex nuru lil pajjiżi oħra kif bħalma konna ta’ eżempju fejn jidħlu d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+, hekk ukoll nuru li aħna nistgħu nkunu ta’ eżempju f’dan is-suġġett.

Il-Ministru għall-ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici kkundanna kategorikament dak li seħħ jumejn ilu fil-Mellieħa. Il-Ministru qal li din l-istrateġija se tkompli tissikka flimkien numru ta’ servizzi li diġà kienu jeżistu. Fakkar dwar il-qtil razzist ta’ Lassane Cisse u kif dan kien ħasad il-pajjiż. Minn hemm kien hemm numru ta’ kummenti razzisti online sakemm fl-aħħar jiem assistejna għal każ ta’ razziżmu ieħor fil-Mellieħa.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li mhux biżżejjed li ngħidu li m’aħniex razzisti, iżda minflok għandna nagħrfu n-nuqqasijiet tagħna u nsiru attivi kontra r-razziżmu. Dan ifisser li meta niltaqgħu ma’ episodji ta’ razziżmu għandna nikkonfrontawhom. Hija saħqet, “Għandna ngħixu r-razziżmu daqs li kieku kien attakk fuqna stess.”

Min-naħa tiegħu s-Sur Alexander Tortell qal li, “l-Istrateġija Kontra r-Razziżmu li qed inniedu hija dokument politiku komprensiv, li għandu l-għan li jikkonfronta u jelimina r-razziżmu fil-forom kollha tiegħu, individwali, sistemiċi u soċjetali u li jistimula u jappoġġa l-inklużjoni interkulturali. Permezz tat-22 miżura tiegħu, jagħmel il-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni kemm responsabbiltà individwali kif ukoll tas-setturi kollha tas-soċjetà: il-Gvern u s-settur pubbliku, l-istituzzjonijiet demokratiċi u politiċi, il-midja, iżda wkoll is-settur privat, is-soċjetà ċivili u l-popolazzjoni ġenerali. Din il-politika hija konformi mal-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu 2020-2025.”

Matul it-tieni parti tal-avveniment, numru ta’ tfal Maltin fin-nursery ta’ Birżebbuġa Windmills kellhom l-opportunità li jkollhom sessjoni ta’ taħriġ ma’ Dwight Yorke nnifsu, fil-preżenza tal-Kap tal-Iskejjel tal-Futbol ta’ Manchester United, Mike Neary fil-kumpless tal-futbol f’Birżebbuġa.

Sport