Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva ħabbar li ngħata bidu għall-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u tlett sptarijiet privati għall-outsourcing ta’ servizzi ta’ emerġenza.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif permezz ta’ din il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u s-settur privat, pazjenti b’dijanjożi mediċi u kirurġiċi ser ikunu qed jinqdew minn sptarijiet privati filwaqt li jħallas il-Gvern. Saħaq kif din l-inizjattiva ser tikkumplimenta s-servizzi li jingħataw mill-Isptar Mater Dei u spjega kif pazjenti b’kundizzjonijiet mhux kumplikati ser jiġu mgħotija s-servizzi meħtieġa, inkluż operazzjonijiet, fis-settur privat. Dan sabiex fix-xhur tax-xitwa, l-Isptar Mater Dei jkun jista’ jiffoka fuq każijiet serji anke dawk assoċjati ma’ mard staġjonali.
Il-Ministru Abela spjega kif din hija l-ewwel fażi ta’ dan il-ftehim, bid-direzzjoni tat-trasferimenti tkun immexxija mid-Dipartiment tal-Emergenza, fl-Isptar Mater Dei. Qal kif aktar tard tidħol fis-seħħ it-tieni fażi li ħa tvara sistema ġdida ta’ riferti għal servizzi varji ta’ emerġenza f’pajjiżna.
Il-Ministru Abela qal kif fl-ewwel jum ta’ din il-kollaborazzjoni diġà saru żewġ interventi kirurġiċi b’suċċess f’wieħed minn dawn l-isptarijiet.
“Din is-sistema ġdida ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern u privat għandha żżid l-effiċjenza tas-servizzi ta’ emerġenza filwaqt li toffri kura ta’ eċċellenza,” temm jgħid il-Ministru Abela.