Sunday, December 29, 2024

Imnedija l-inizjattiva “Check Your Pet” waqt l-EXPO tas-Servizz Pubbliku

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said nediet l-inizjattiva “Check Your Pet” waqt l-Expo tas-Servizz Pubbliku fl-MFCC Ta’ Qali, bl-għan li titqajjem aktar kuxjenza favur il-ħarsien u t-trattament xieraq tal-annimali.

Hija spjegat kif permezz ta’ vettura li fiha tagħmir relatat mal-kura veterinarja, sidien ta’ annimali domestiċi jistgħu jġibu l-annimali waqt l-EXPO biex jiċċekkjawhom il-veterinarji. “Permezz ta’ din l-inizjattiva rridu nżidu aktar għarfien dwar prevenzjoni mill-mard tal-annimali u li b’mod regolari għandna nieħdu l-annimali domestiċi għand veterinarji biex jiċċekkjawhom,” qalet is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said.

Hija kkonkludiet billi rringrazzjat lid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għal din l-inizjattiva li se tkun qiegħda ddur l-irħula u l-ibliet f’Malta u Għawdex u stiednet lis-sidien tal-annimali domestiċi sabiex jagħmlu użu minn dan is-servizz.

Id-Direttur tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali Joseph John Vella spjega li din l-inizjattiva se tkompli ssaħħaħ l-għanijiet tad-Direttorat li jħeġġu biex ikun hemm  responsabbiltà akbar mis-sidien tal-annimali domestiċi u jqajmu kuxjenza dwar l-importanza tal-ħarsien tal-annimali domestiċi.

L-inizjattiva “Check Your Pet” se tkun disponibbli waqt l-Expo tas-Servizz Pubbliku sad-19 ta’ Mejju 2024.

Ekonomija

Sport