Saturday, March 29, 2025

Imnedija l-Istrateġija Nazzjonali għas-Settur tal-Volontarjat għall-konsultazzjoni pubblika

Aqra wkoll

Tħabbret konsultazzjoni pubblika dwar pjan strateġiku għas-settur tal-volontarjat. Dan għandu l-għan li jiggwida u jsaħħaħ is-settur tal-volontarjat f’Malta u Għawdex matul il-ħames snin li ġejjin sas-sena 2030.


It-tħabbira ta’ din il-konsultazzjoni pubblika saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Mauro Pace Parascandolo u tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba.

L-istrateġija li qed tiġi proposta, tenfasizza tqassim aħjar tar-riżorsi, bħal dawk umani, fiżiċi u finanzjarji, filwaqt li trawwem il-parteċipazzjoni u l-ingaġġ ta’ voluntiera u l-kollaborazzjoni. Din l-Istrateġija Nazzjonali tal-Volontarjat tibni fuq dik tal-2020, u tirrifletti komunità li qed tevolvi fejn is-settur tal-volontarjat jiffaċċja bidliet kontinwi u sfidi ġodda.

L-istrateġija tiffoka fuq erba’ pilastri ewlenin, li huma l-capacity building, kollaborazzjoni bejn l-entitajiet kollha interessati, il-parteċipazzjoni ċivika, u l-vuċi u l-viżibbiltà tas-settur. Għaldaqstant, il-Gvern u l-MCVS ifittxu li jinkoraġġixxu l-kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet rappreżentattivi (pjattaformi), jippromwovu inizjattivi ta’ volontarjat, u jattiraw gruppi ta’ etajiet differenti għal xogħol volontarju. L-involviment kemm ta’ żgħażagħ kif ukoll ta’ individwi akbar fl-età għandu jiżgura kontribut bilanċjat u dinamiku fejn l-esperjenza tiltaqa’ mal-entużjażmu.

Waqt it-tnedija tal-konsultazzjoni, il-Ministru Julia Farrugia enfasizzat kif il-Gvern, determinat li jkompli jsaħħaħ dan is-settur u jiżgura s-sostenibbiltà tiegħu. “It-tisħiħ tas-settur tal-volontarjat huwa prijorità għalina, għax nemmnu li s-soċjetà tagħna ssir aktar inklużiva, ġusta u solidali meta l-volontarjat ikun appoġġjat u msaħħaħ. Din l-istrateġija se tgħinna nsaħħu l-infrastruttura tal-volontarjat, nagħtu aktar opportunitajiet lill-voluntiera ta’ kull età, u niżguraw li l-kontribut tagħhom ikun rikonoxxut u apprezzat. Nistiednu lill-pubbliku biex jieħu sehem f’din il-konsultazzjoni, sabiex flimkien nibnu futur fejn il-volontarjat jibqa’ pilastru importanti fis-soċjetà Maltija.”

Gertrude Buttigieg, Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat saħqet, “Wara li l-ewwel strateġija għadha kif ġiet fi tmiemha, issa wasal iż-żmien li s-settur jingħata pjan fit-tul mibni fuq pedamenti sodi. Dan bil-ħsieb lejn aktar kollaborazzjoni, vuċi msaħħa u viżibilità fi ħdan u għas-soċjetà.”

Min-naħa tiegħu, Mauro Pace Parascandalo  qal, “L-għan huwa li tkompli tiġi żviluppata kultura ta’ volontarjat b’saħħitha, bi strutturi ta’ appoġġ li jiffaċilitaw dejjem iktar servizzi ta’ kwalità għolja. B’hekk, strateġija bħal din ma tkunx biss fuq il-karta imma tieħu l-ħajja għall-benefiċċju tas-soċjetà u ċ-ċittadini kollha li jgawdu minna kemm bħala voluntiera, membri ta’ għaqdiet jew bħala benefiċjarji.”

Wieħed jista’ jara d-dokument komplut għall-konsultazzjoni u jagħti r-reazzjonijiet tiegħu hawn: https://maltacvs.org/strategy-consultation-2025-2030/. Il-konsultazzjoni se tibqa’ miftuħa sal-25 ta’ April 2025.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport