Friday, July 19, 2024

Imnedija l-kampanja Islands Cleanup 2024: Ser tieħu sehem?

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir flimkien ma’ Project Green u l-kampanja “Saving Our Blue”, nedew il-kampanja “Islands Cleanup”. Din il-kampanja tħeġġeġ organizzazzjonijiet u għaqdiet differenti biex jorganizzaw u jieħdu sehem fi cleanups taħt il-kappa ta’ “Islands Cleanup”  bil-għan li jiżdied l-għarfien dwar il-protezzjoni ambjentali fil-widien u fuq il-bajjiet. Fl-istess ħin, Project Green qed timpenja ruħha li tħawwel żewġ siġriet għal kull tunnellata ta’ skart li jinġabar.

Kull sena li ġiet organizzata din l-inizjattiva, dejjem kienet ta’ suċċess u matul l-edizzjoni tal-2023 inġabru aktar minn 2,000 tunellata skart u dan wassal biex jitħawwlu 4,000 siġra ġdida.

L-edizzjoni ta’ din is-sena ġiet varata waqt cleanup fil-wied u l-bajja tal-Ġnejna fejn inġabar madwar tunnellata ta’ skart mill-impjegati ta’ Project Green u l-Ministeru f’attività ta’ team-building. Bl-istess mod, kumpaniji privati, skejjel, entitajiet non-governattivi u gruppi oħra qed ikunu mħeġġa jirreġistraw l-attivitajiet ta’ tindif tagħhom. B’hekk ikunu qed jagħmlu l-parti tagħhom għal ambjent aħjar u bħala corporate social responsibility tagħhom.  Gruppi li jirreġistraw jingħataw l-għodod neċessarji bħall-ingwanti, basktijiet, ġarr tal-iskart u struzzjonijiet ta’ sigurtà biex jiġi assigurat proċess ta’ tindif sigur u effiċjenti.

Il-parteċipanti jkunu assistiti sabiex jiżnu l-iskart miġbur matul l-attività ta’ tindif tagħhom. Dan l-iskart jiġi separat fuq il-post, f’ħarsien tar-regolamenti tas-separazzjoni tal-iskart u materjal riċiklabbli jiġi riċiklat. Il-parteċipanti jingħataw ukoll ċertifikat ta’ parteċipazzjoni għall-ħidma tagħhom lejn ambjent aħjar.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, li ngħaqdet mal-ħaddiema ta’ Project Green u “Saving our Blue”, fl-attività qalet, “Nifraħ lill-entitajiet li għal sena oħra qed jorganizzaw u jieħdu sehem fi cleanups u nħeġġeġ aktar organizzazzjonijiet u għaqdiet jingħaqdu magħna. Attivitajiet bħal dawn ikomplu jressquna eqreb lejn il-widien u l-ibħra tagħna fejn tkompli tikber il-kuxjenza kontra r-rimi illegali tal-iskart.”

Għal aktar informazzjoni dwar kif tirreġistra l-attività ta’ tindif tal-Islands Cleanup tiegħek dan is-Sajf, żur: http://project.green/clean-up-campaign/.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport