Il-Ministeru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva nieda l-kampanja ta’ tilqim staġjonali, li tikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu biex jipproteġi s-saħħa pubblika.
Din is-sena l-kampanja se tkun qed terġa’ toffri tliet vaċċini essenzjali bla ħlas lil dawk eliġibbli:
- Vaċċin tal-Influwenza – aġġornat kull sena biex jaqbel mal-aktar varjanti prevalenti. Eliġibbli kulħadd ’il fuq minn sitt xhur.
- Vaċċin kontra l-COVID-19 – aġġornat biex jinkludi l-aħħar varjanti (LP 8.1). Eliġibbli kulħadd ’il fuq minn sitt xhur.
- Vaċċin Pneumokokkali 20 (PCV20) – jipprovdi protezzjoni tul il-ħajja kontra infezzjonijiet serji bħall-pnewmonja, il-meninġite, u s-sepsi. Eliġibbli kulħadd ’il fuq minn 18 il-sena.
Dan il-vaċċin huwa kruċjali biex jitnaqqas il-mard li jista’ jiġi evitat, speċjalment fost gruppi vulnerabbli bħall-anzjani, persuni b’kundizzjonijiet kroniċi, nisa tqal, u ħaddiema fil-kura tas-saħħa. L-adulti jistgħu jieħdu dan il-vaċċin kuljum bejn is-13:00 u s-19:00 miċ-Ċentri tas-Saħħa madwar Malta u Għawdex. Filwaqt li tfal bejn 6 xhur u 8 snin, ser jibdew jiġu offruti dan is-servizz mit-8 ta’ Novembru 2025 bejn it-08:00 u l-17:00 miċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Furjana, Mosta, Ċensu Moran f’Raħal Ġdid u mir-Rabat Għawdex.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħeġġeġ lill-pubbliku biex jieħu vantaġġ sħiħ mis-servizzi ta’ tilqim bla ħlas. “It-tilqim huwa pass importanti li nistgħu nieħdu lkoll biex nipproteġu lilna nfusna u lil dawk li nħobbu. Inħeġġeġ lil kulħadd biex iżur iċ-ċentru tas-saħħa l-aktar viċin jew lit-tabib tal-familja u jibbenefika minn din l-inizjattiva importanti għas-saħħa pubblika,” temm jgħid Dr Abela.
Għal mistoqsijiet, ikkuntattja lil Primary Health Care fuq 21231231.