Sunday, November 24, 2024

Imnedija l-korsijiet għat-Tagħlim Tul il-Ħajja 2022-23

Aqra wkoll

Wara riforma li saret, it-Tagħlim tul il-Ħajja llum huwa istituzzjoni edukattiva li toffri korsijiet kemm fil-klassi, korsijiet onlajn, korsijiet learn at your own pace, kif ukoll korsijiet bil-forma ta’ blended learning. Minn din is-sena se jitneħħew għal kollox l-eżamijiet tal-korsijiet li mhumiex SEC jew MATSEC u minflok se tintuża sistema ta’ assessjar kontinwu. Dan se jassigura li l-ħidma, il-parteċipazzjoni u l-iżvilupp tal-istudent ikunu mogħtija l-piż ġust tagħhom anke fl-assessjar.

“Hija waħda mill-prijoritajiet tiegħi bħala l-ministru responsabbli għall-edukazzjoni li nkomplu nressqu ’l quddiem kull forma ta’ opportunità ta’ tagħlim. Bħala gvern għaddejja ħidma biex naraw li l-adulti jkollhom l-opportunitajiet kollha possibbli biex ikattru t-tagħlim tagħhom u fil-fatt għandna wkoll Strateġija Nazzjonali għat-Tagħlim tul il-Ħajja li tfasslet b’ħidma kollettiva, bi prijorità lejn it-tkomplija tat-tagħlim għall-adulti”, qal il-Ministru Clifton Grima.

Din il-ħidma qed tagħti s-suċċess tagħha għaliex fejn jidħol it-tagħlim għall-adulti, Malta tinsab tliet punti perċentwali aħjar mill-medja Ewropea, u quddiem pajjiżi bħall-Portugall, il-Belġju, Franza, l-Italja u l-Ġermanja.

Minn Ottubru li ġej, meta jibdew il-korsijiet ta’ Tagħlim tul il-Ħajja, se jkunu offruti 400 kors f’aktar minn 70 suġġett differenti, li jvarjaw minn tagħlim ta’ lingwi sa tagħlim ta’ suġġetti prattiċi. Il-viżjoni tad-Direttorat tat-Tagħlim tul il-Ħajja huwa li jipprovdi sistema ta’ tagħlim personalizzat u li joffri appoġġ lil kulħadd. Il-korsijiet jingħataw minn edukaturi u koordinaturi speċjalizzati li jgħinu lil dawk li jattendu u jibqgħu jsegwu sakemm l-adult jirnexxilu jirrealizza x-xewqat edukattivi tiegħu.

Id-Direttur tad-Direttorat tar-Riċerka, Tagħlim tul il-Ħajja u Impjegabilità, Alex Farrugia qal, “Il-ħidma tad-dipartiment fejn jidħol Tagħlim tul il-Ħajja kompliet għaddejja u llum mhux biss żdiedu l-firxa tal-korsijiet u tas-suġġetti mgħallma, imma wkoll qed jingħataw servizzi anċillari li huma fundamentali biex tingħata għajnuna lill-istudenti adulti”.

Il-Ministru Grima sostna li t-tagħlim huwa l-muftieħ għall-iżvilupp personali, għall-inklużjoni soċjali, għaċ-ċittadinanza attiva u għall-iżvilupp sostenibbli u għalhekk it-Tagħlim tul il-Ħajja joffri l-opportunità lill-istudenti adulti biex ikabbru l-għarfien tagħhom, jiżviluppaw ħiliet ġodda, itejbu l-prospettivi għall-karrieri li huma disponibbli għalihom u jwessgħu l-għarfien professjonali tagħhom. Il-kunfidenza u l-abbiltajiet li jiġu akkwistati bit-tagħlim għall-adulti għandhom importanza kemm fuq il-post tax-xogħol imma wkoll għall-ħajja ta’ kuljum.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima enfasizza li qatt mhu tard biex titgħallem. Għalhekk dawk kollha interessati għandhom jieħdu din l-opportunità biex ikabbru l-ħiliet u l-għarfien tagħhom permezz ta’ dawn il-korsijiet.

L-applikazzjonijiet jiftħu fl-14 ta’ Lulju sal-11 ta’ Awwissu u wieħed jista’ japplika billi jmur fuq is-sit elettroniku www.lifelonglearning.gov.mt.

Sport