Tnediet il-linja nazzjonali ta’ sapport għall-vittmi tal-kriminalità bin-numru 116 006, li ser tibda topera b’mod uffiċjali mit-Tnejn, l-1 ta’ Mejju. Din il-linja se titħaddem mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Vittmi tal-Kriminalità, il-VSA.
It-tnedija ta’ din il-linja saret mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Kriminalità, Brian Farrugia u tal-Kap tat-Taqsima għas-Servizzi tal-Vittmi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, l-Ispettur Sylvana Gafà.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, tfisser li n-numru 116 006 hu numru uniku li wieħed faċli jiftakru u li bih kull ċittadin Ewropew, kemm f’pajjiżu stess kif ukoll f’xi pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, jista’ juża malajr biex jikseb l-għajnuna wara li jisfa’ vittma ta’ aġir krimini. Għalhekk, permezz ta’ din il-linja li ser taħdem mit-Tnejn sal-Ħadd, inklużi f’festi pubbliċi, bejn is-7:30am u s-7:30pm, dawk il-vittmi ta’ kull tip ta’ kriminalità se jkunu jistgħu jitolbu s-servizzi li toffri l-aġenzija permezz ta’ telefonata.
S’issa, l-aġenzija toffri s-servizzi tagħha minn tliet ċentri, f’Santa Luċija, fil-Qawra u fix-Xewkija Għawdex. Fost is-servizzi bla ħlas li toffri din l-aġenzija, hemm servizzi emozzjonali u psikoloġiċi, servizzi ta’ għajnuna legali kif ukoll issegwi u tagħti servizz ta’ aċċess għal informazzjoni jew aġġornamenti dwar rapporti li jsiru lill-pulizija.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li l-linja 116 006 hija biss waħda mid-diversi servizzi li tnedew li huma ta’ appoġġ lill-vittmi. Spjega li se tkun linja telefonika li toffri l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità kif ukoll taċċessa servizz ta’ appoġġ filwaqt li tagħti spazju lill-vittmi u tirreferihom skont il-bżonnijiet tagħhom.