Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said flimkien mal-familja ta’ Jake Vella ħabbru d-dettalji dwar l-attività ‘Paw Walk in Memory of Jake Vella’, attività li se ssir b’tifkira ta’ Jake Vella, tifel li ħalla impatt qawwi fuq il-komunità Maltija permezz tal-imħabba tiegħu lejn l-annimali u x-xogħol tiegħu biex jgħin lill-annimali abbandunati. Il-fondi kollha li se jinġabru matul l-attività se jmorru għall-Association for Abandoned Animals (AAA), santwarju li kien tant għal qalb Jake.
Din il-mixja annwali, ser issir nhar il-Ħadd, 14 ta’ Diċembru fl-10:00 a.m. ħdejn l-entratura prinċipali tal-Isptar Mater Dei. Din l-attività tibqa’ tkun okkażjoni ta’ solidarjetà u mħabba, fejn il-familja ta’ Jake flimkien ma’ familjari, ħbieb, u membri tal-komunità jinġabru biex ifakkru tifel li tant ħabb l-annimali u li matul ħajtu, minkejja l-marda rari ROHHAD, kien magħruf għall-qalb tad-deheb tiegħu, u fl-istess waqt jinġabru fondi għall-annimali.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said faħħret l-inizjattiva, u sostniet li l-memorja ta’ Jake tibqa’ ħajja permezz ta’ dan l-avveniment. “Iltqajt ma’ Jake għall-ewwel darba erba’ snin ilu. Tifel li ispira lil ta’ madwaru u minn dejjem kien fuq quddiem sabiex jgħin kemm jista’ lill-annimali minkejja t-tbatija li kien għaddej minna. Waqt din il-mixja mhux biss ħa nkunu qed ngħinu lill-annimali imma nkomplu nfakkru l-memorja sabiħa ta’ Jake fiż-żmien il-Milied.”
Il-familja ta’ Jake rringrazzjat minn qalbha lil kulħadd għall-appoġġ kontinwu, u stiednet lill-pubbliku biex jissieħeb fil-mixja. “Aħna l-ġenituri ta’ Jake qegħdin nerġgħu norganizzaw il-mixja madwar Mater Dei li tant kienet għal qalbu. Fl-14 ta Diċembru fl-10:00 a.m. nagħmel appell lill-pubbliku biex jattendi għal din il-mixja biex il-legat li ħalla Jake ma jintesa qatt.”
Il-pubbliku huwa mistieden jattendi. Dawk li għandhom il-klieb huma mħeġġa sabiex jeħduhom magħhom waqt il-mixja. Il-fondi kollha li jinġabru matul l-attività se jmorru għall-Association for Abandoned Animals (AAA). Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ Revolut: 99870624.


