Monday, July 28, 2025

Imnedija r-Regolamenti għall-Ħarsien tal-Art Agrikola li huma allinjati mal-Viżjoni Malta 2050

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, nieda r-Regolamenti dwar il-Ħarsien tal-Artijiet Agrikoli 2025 — sett ġdid ta’ miżuri legali li għandhom l-għan li jipproteġu u jassiguraw l-użu sostenibbli ta’ waħda mir-riżorsi naturali l-iktar kruċjali f’pajjiżna: l-art agrikola.

Dawn ir-regolamenti, ibbażati fuq il-White Paper tar-Riforma tal-Artijiet Agrikoli (2022) u l-Att dwar l-Agrikoltura (2024), jistabbilixxu qafas legali sħiħ biex l-art tkun reġistrata u kkultivata b’mod attiv skont prattiki agrikoli tajba. Bħala miżura ċentrali, l-art li ma tkunx reġistrata se tkun tista’ tiġi ġestita mill-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta sakemm jinstab sid validu.

Il-Ministru Refalo saħaq li dawn l-inizjattivi jirriflettu l-viżjoni tal-Gvern f’dak li jirrigwardja sostenibbiltà u l-bżonn fundamentali li Malta tibqa’ tipproduċi l-ikel tagħha u tħares l-identità tagħha.

“Dan huwa mument kruċjali għas-settur agrikolu fejn qed inkomplu nipproteġu l-art agrikola ta’ pajjiżna. Dawn ir-regolamenti mhux intiżi biex jostakolaw lill-bdiewa imma biex jgħinuhom. Permezz ta’ dawn ir-regolamenti qed noħolqu sistema li tippromwovi prattiki agrikoli sostenibbli u ġusti, se nkomplu wkoll nindirizzaw l-abbuż, u nħarsu l-art għal ġenerazzjonijiet futuri,” sostna l-Ministru Refalo.

Ir-regolamenti jipprojbixxu wkoll reklamar jew bejgħ ta’ art agrikola għal skopijiet mhux relatati mal-agrikoltura u b’hekk jiġi protett l-użu primarju tal-art — il-produzzjoni tal-ikel u l-ħarsien tal-wirt rurali. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur https://ruralaffairs.gov.mt/artagrikola/. Ir-reġistrazzjoni hija miftuħa mit-28 ta’ Lulju sad-29 ta’ Settembru 2025.

Waqt il-konferenza tkellem ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru, għall-Implementazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050, Ronald Mizzi, li ppreżenta l-Viżjoni u rrimarka, “Il-Viżjoni Malta 2050 tħares lejn l-art agrikola bħala element ta’ sostenibbiltà fejn jidħol l-ikel, sostenn lejn il-prodott lokali u sostenn lejn l-ambjent u l-klima tagħna, il-bijodiversità, l-ekonomija l-ħadra u dik ċirkulari. Qegħdin inkomplu niltaqgħu mal-partijiet involuti u niġbdu ħabel wieħed lejn aspirazzjonijiet li jkomplu jsaħħuna, aspirazzjonijiet li jinbtu minna lkoll u jitwaħħdu f’Viżjoni waħda, għal futur sostenibbli u bi kwalità ta’ ħajja aħjar.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport