Sunday, November 24, 2024

Imnedija rotta diretta bejn iċ-Ċirkewwa u l-Università għal konnettività aħjar għall-istudenti Għawdxin

Aqra wkoll

Tnediet rotta permanenti li se ttejjeb b’mod sinifikanti s-servizz għall-istudenti Universitarji Għawdxin li jivvjaġġaw lejn il-kampus tal-Università ta’ Malta. Din l-inizjattiva daħlet fis-seħħ wara diskussjonijiet estensivi mal-Grupp Universitarju Għawdxi (GUG) fuq il-bżonn li jiġu indirizzati l-isfidi tat-trasport li jiffaċċjaw l-istudenti Għawdxin.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. Ġie spjegat li mid-diskussjonijiet mal-GUG, ħarġu diversi fatturi li kienu qed jaffettwaw l-għażliet tat-trasport eżistenti. Għaldaqstant qed tiġi mnedija din ir-rotta diretta bejn iċ-Ċirkewwa u l-Università ta’ Malta, li se tutilizza bypasses bħal dawk tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, b’żewġ waqfiet biss tul it-triq, li se jiggarantixxu l-aktar servizz veloċi possibbli. Il-Gvern se jkun qed jinvesti aktar minn €210,000 fis-sena biex jipprovdi dan is-servizz.

Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tal-Gvern biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tiegħu, partikolarment studenti Għawdxin li qed isegwu l-edukazzjoni tagħhom fl-Università ta’ Malta. Ir-rotta l-ġdida tal-express bus se toffri aktar konvenjenza, ħinijiet imnaqqsa tal-ivvjaġġar, u aċċessibbiltà akbar għall-istudenti Għawdxin kollha.

Min-naħa tiegħu, l-Ministru Aaron Farrugia tenna l-impenn tal-Gvern biex ikompli jinċentiva u jħajjar aktar nies jagħmlu użu minn mezzi alternattivi ta’ trasport. Huwa spjega kif permezz ta’ din ir-rotta se jkunu qed jitnaqqsu numru sinifikanti ta’ karozzi mit-toroq għax l-istudenti ġew offruti alternattiva prattika u li tagħmel sens.

“In-nies qed jistennew minn għandna alternattivi prattiċi minflok l-użu tal-karozza personali. Din ir-rotta X300 toffri propju dan hekk kif se tkun qed tnaqqas l-iskariġġ ta’ ħafna waqfiet żejda għall-istudenti universitarji Għawdxin. Fiż-żmien li ġej, se nkomplu nħabbru inizjattivi li jikkumplimentaw mhux biss l-investiment li ħabbarna ftit ilu fiż-żieda fil-flotta tal-karozzi tal-linja, iżda anka investimenti infrastrutturali li se jkunu qed isostnu u jorbtu mal-viżjoni tagħna favur aktar mezzi alternattivi ta’ trasport,” ikkonkluda l-Ministru Farrugia.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Bħala Gvern qed ninvestu sabiex jiġi offrut is-servizz dirett tal-X300 miċ-Ċirkewwa għall-Università u lura għaliex nemmnu li għandna nkunu aħna li niffaċilitaw ftit mill-iskariġġ tal-istudenti Għawdxin li jagħżlu li jkomplu jistudjaw Malta. L-istudenti dejjem kienu u għadhom ta’ prijorità u għal qalb dan il-Gvern u għalkemm nedejna s-servizz tal-Fast Ferry ma waqafniex hemm imma kontinwament bqajna niddiskutu u naraw kif nistgħu ntejbu l-konnessjoni bejn il-gżejjer.”

Il-Ministru Camilleri fakkar kif it-tisħiħ tal-aċċessibbiltà huwa fil-fatt wieħed mill-prijoritajiet tal-Gvern għall-għaxar snin li ġejjin sabiex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u ta’ dawk kollha residenti fil-gżira Għawdxija.

Min-naħa tagħha, il-President tal-GUG, Christine Sultana stqarret li l-għaqda minn dejjem kienet konsistenti fuq l-indirizzar ta’ sfidi relatati mat-trasport li jiffaċċjaw l-istudenti Għawdxin. Dawn l-isforzi wasslu sabiex titkompla din ir-rotta diretta biex takkomoda l-istudenti li jivvjaġġaw ta’ kuljum. Hija kompliet li din it-tnedija hija pass fid-direzzjoni t-tajba u l-GUG ser tibqa’ impenjata li tkompli taħdem għal titjib fl-infrastruttura tat-trasport li twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-istudenti Għawdxin f’Malta. “Il-GUG kienet u se tibqa’ organizzazzjoni mill-istudenti, għall-istudenti,” temmet tgħid Christine Sultana.

Sport