Friday, November 15, 2024

Imnedija website għat-trobbija pożittiva bit-tema: Kun Int il-Ġenitur

Aqra wkoll

Ġiet imnedija website ġdida għat-trobbija pozittiva bit-tema Kun Int il-Ġenitur, biex b’hekk din se tkun il-pjattaforma maġġuri tal-Kumitat għat-Trobbija Pożittiva u Tisħiħ tal-Familja. Dan il-kumitat, li jagħmel parti mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, ħass li kellu jinvesti f’dan il-pass diġitali wara l-interess u l-parteċipazzjoni kbira li wera’ l-pubbliku fil-paġna ta’ Facebook.

Is-sit positiveparenting.gov.mt se jkun qed jgħin ġenituri jirrelataw ma’ mġieba li qed jiffaċċjaw m’uliedhom, filwaqt li jiddentifikaw modi ġodda li jistgħu jtejjbu r-relazzjonijiet tagħhom m’uliedhom. 

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ingħad kif dan is-sit se jkun aċċessibbli kemm għat-tfal, għall-adoloxxenti u l-ġenituri. “Fiha se jkun hemm materjal edukattiv u informattiv, li lkoll jippromwovu l-importanza li nibnu u nsostnu relazzjonijiet siguri ma’ uliedna. Fuq kollox dan il-materjal edukkativ huwa bbażat fuq evidenza u riċerka u li jkun ġie revedut mit-terapista li tieħu ħsieb dan il-materjal,” sostna l-Ministru Falzon.

Iċ-chairperson tal-Kumitat Ruth Sciberras qalet li fuq il-website se jkunu qed jittellgħu filmati qosra u intervisti li jkunu saru  ma’ professjonisti fuq diversi suġġetti. Dawn se jinkludu temi marbuta ma’ diffikultatjiet ta’ saħħa mentali li jgħaddu minnhom il-ġenituri speċjalment fi żmien it-tqala, il-vjolenza domestika, id-diffikultajiet taż-żgħzagħ li jkunu LGTBIQ u modi ta’ kif nistgħu nsaħħu r-relazzjoni mat-tfal tagħna, fost ohrajn.

Il-pubbliku se jkun jista’ jkompli jibgħat diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fuq Facebook Messenger, fejn it-terapista twieġeb b’mod privat jew b’email fuq [email protected]

“Li nkunu viċin in-nies hija prijorità tagħna. Dejjem hekk konna u ser nibqgħu nagħmlu. Nemmnu f’kommunikazzjoni u servizzi adegwati li jilqgħu għall-isfidi tal-lum u t’għada. It-tisħiħ tal-familja minn dejjem kien importanti għal dan il-Gvern. Wettaqna ħafna biex insaħħu l-finanzi tal-familji u ser  nkomplu nagħmlu ħilitna sabiex insaħħu r-relazzjonijiet bejn il-familji”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Ekonomija

Sport