Sunday, May 19, 2024

Imnedija żewġ skemi għal xiri ta’ vetturi aċċessibbli

Aqra wkoll

Persuni b’diżabilità se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn żewġ skemi li permezz tagħhom se jkun faċilitat ix-xiri ta’ vetturi aċċessibbli minn persuni li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti, fosthom vettura li tinsaq direttament mis-siġġu tar-roti. L-iskemi jaħsbu wkoll biex ikunu mgħejuna finanzjarjament persuni b’diżabilità li jagħżlu li jixtru vettura modifikata second-hand li jkollha lift jew rampa għall-aċċess tas-siġġu tar-roti. Persuni b’diżabilità jibbenefikaw ukoll minn eżenzjoni mill-ħlas tar-reġistrazzjoni tal-vettura u/jew liċenzja tat-triq, skont il-każ.

It-tnedija taż-żewġ skemi, li se jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Ġunju li ġej, saret mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli fejn sostniet li permezz ta’ din it-tnedija qed jiġu implimentati kemm miżuri tal-Budget 2023, kif ukoll qed tiġi implimentata wegħda elettorali.

Hija spjegat li l-ewwel skema ser tgħin persuni b’diżabilità jixtru vettura li tippermettihom isuqu direttament mis-siġġu tar-roti tagħhom. Dawn ser jibbenefikaw minn sussidju ta’ mhux aktar minn 20% fuq il-prezz tal-karozza. Il-Ministru sostniet li din l-iskema ser tagħti aktar indipendenza u awtonomija li jippermettu lil persuna b’diżabilità li tmur fejn trid, meta trid u mingħajr ma tkun tiddependi fuq ħaddieħor għat-trasport.

Kompliet tispjega li t-tieni skema ser toffri għajnuna finanzjarja fix-xiri ta’ vettura modifikata second-hand li jkollha lift jew rampa għall-aċċess ta’ siġġu tar-roti u li tkun reġistrata Malta. Sal-lum din l-iskema kienet miftuħa biss għall-karozzi ġodda. Għaldaqstant, dawk li jixtru karozza modifikata second-hand li tkun reġistrata diġà, ser jibdew jingħataw il-possibilità li jibbenefikaw minn sussidju ta’ mhux aktar minn 10% fuq il-prezz tal-karozza. Biex vettura tikkwalifika għas-sussidju, l-emissjonijiet tagħha jridu jkunu taħt il-180g ta’ CO2.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, ta preżentazzjoni dwar kif se jkunu qed jitħaddmu l-iskemi. Huwa ddeskriva ż-żewġ skemi bħala pass ieħor ’il quddiem fil-provediment ta’ servizzi lil persuni b’diżabilità. Is-Sur Scicluna fakkar li l-aġenzija investiet f’karozza li tinsaq minn persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti bħala parti mir-riżorsi disponibbli fiċ-Ċentru ta’ Għajxien Indipendenti Sonia Tanti (STILC). L-aġenzija investiet ukoll f’taħriġ lill-professjonisti u għalliema tas-sewqan biex ikunu jistgħu jipprovdu taħriġ lil persuni interessati.

Sport