Xjenza Malta, permezz ta’ Esplora, nediet “Il-Ħolma għat-Tfal għal Viżjoni Malta 2050”, avveniment li jifforma parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali dwar il-Viżjoni Malta 2050. L-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva hu li jinkoraġġixxi lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar sabiex jaqsmu l-ideat, il-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħhom għal Malta aktar sostenibbli u reżiljenti.
L-avveniment se jsir nhar il-Ħamis, 31 ta’ Lulju, mit-15:00 ’il quddiem f’Esplora, u joffri lit-tfal u l-familji tagħhom esperjenza interattiva li tinkludi esperimenti tax-xjenza live, attivitajiet prattiċi, logħob tradizzjonali u sessjonijiet ma’ animaturi f’ambjent edukattiv u divertenti.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, Xjenza Malta qed tkompli tħeġġeġ lit-tfal u ż-żgħażagħ biex ikunu parti attiva mit-tiswir ta’ Malta tal-futur, filwaqt li toħloq pjattaforma għall-kollaborazzjoni bejn il-familji, l-edukaturi u l-komunità usa’.
Fid-diskors tiegħu waqt it-tnedija tal-avveniment, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq li, “Il-proċess tal-Viżjoni Malta 2050 mhuwiex komplut mingħajr l-ilħna taż-żgħażagħ tagħna. Permezz ta’ inizjattivi bħal dawn qed noħolqu spazju fejn it-tfal jistgħu jesprimu l-ħolm tagħhom u nagħtu prijorità lill-kreattività, l-innovazzjoni u l-inklussività fil-pjanijiet tagħna għall-futur.”
Mary Ann Cauchi, Senior Director f’Esplora, qalet li, “F’Esplora aħna nemmnu li kull tifel u tifla huma xjenzati u viżjonarji f’qalbhom. Dan l-avveniment se jippermettilhom jesploraw, jistaqsu u joħolmu dwar Malta li jixtiequ jgħixu fiha – għax l-ilħna tagħhom huma essenzjali fil-bini tal-futur kollettiv tagħna.”
Il-President Emeritus, l-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, żiedet: “It-tfal mhumiex biss il-mexxejja ta’ għada – illum huma ċittadini attivi. Irridu nagħtuhom is-setgħa li joħolmu, jitkellmu u jħossu li l-kontribut tagħhom hu kruċjali fit-tfassil ta’ Malta aktar inklussiva, ġusta u sostenibbli. Din mhijiex biss inizjattiva simbolika; hija pass konkret lejn djalogu interġenerazzjonali u responsabbiltà kondiviża.”
Din l-inizjattiva turi l-impenn tal-Viżjoni Malta 2050 li tinvolvi lill-ġenerazzjonijiet kollha fit-tfassil ta’ pjan fit-tul u inklussiv għall-pajjiż. Il-familji, l-edukaturi u t-tfal huma mistiedna jissieħbu f’dan l-avveniment uniku li jgħaqqad ix-xjenza, il-kreattività u l-ispirazzjoni għall-futur ta’ Malta.
Sabiex wieħed jattendi għall-avveniment jista’ japplika fuq https://forms.gle/9kCkbVX568osanSW9.