Saturday, November 23, 2024

Imniedi E-book minn studenta tal-mediċina; COVID-19 – The Reason Why the Earth Stood Still

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici ltaqa’ ma’ Rebecca Caruana, studenta tat-tieni sena tal-mediċina fl-Università ta’ Malta, li qed tikteb e-book b’relazzjoni għall-imxija kurrenti: “COVID-19, The Reason Why the Earth Stood Still”.

Il-Ministru Bonnici spjega kif, “dan il-ktieb fih għaxar kapitli li jitrattaw dwar il-virus u kif jaffettwa saħħet il-bniedem kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Huwa inkoraġġanti meta nara studenti jieħdu dan l-interess sabiex jinħoloq iżjed għarfien fuq il-virus. Aħna bħala Gvern kommessi li nkomplu ntejbu s-sistema edukattiva għall-benefiċċju ta’ uliedna u ulied uliedna. Dan jidher biċ-ċar fil-każ ta’ Rebecca fejn hi studenta tat-tieni sena fl-Università ta’ Malta u kienet f’diskussjonijiet u laqgħat ma’ professuri li jgħixu barra minn Malta sabiex tinġabar informazzjoni fattwali fuq l-imxija tal-virus kurrenti.”

Rebecca Caruana, studenta tal-mediċina fl-Università ta’ Malta qalet: “Minn dejjem kelli ħolma biex nikteb ktieb. Waqt din il-pandemija ktibt artiklu dwar il-COVID-19 u x’jinvolvi li ġibed l-attenzjoni ta’ Dr Syed Rizvi, tabib li jaħdem New York fejn staqsieni għal intervista. Waqt l-intervista qalli li kien qed jaħdem mal-WHO, CDC u l-Universita’ ta’ Kolombja fi New York sabiex jippubblika ktieb virtwali dwar il-COVID-19. Jumejn wara l-intervista ltqajt ma’ tim internazzjonali li kelli naħdem miegħu. It-tim kien magħmul mit-tabib Syed Rizvi minn New York, mid-dentista Pippasha Khan mil-Londra, u mill-“ispeech therapist’ Daniel Hrbolio minn Melborn.Għandna wkoll diversi professjonisti oħra li qed jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom għal dan il-ktieb.”

Dan l-e-book qed jinkiteb b’kollaborazzjoni mal-World Health Organisation (WHO) u Centers for Disease Control and Prevention (CDC) li b’mod ġeneruż taw id-drittijiet biex dan jiġi ppubblikat.

Sport