Friday, December 20, 2024

Imniedi fond ta’ €150,000 għal ko-finanzjament tal-għaqdiet volontarji għas-sena 2022

Aqra wkoll

Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat nieda l-Iskema Fond ta’ Ko-Finanzjament tal-Għaqdiet Volontarji għas-sena 2022.

Dan il-fond għandu l-għan li jappoġġja l-obbligi ta’ ko-finanzjament tal-għaqdiet volontarji li jibbenefikaw minn finanzjament minn istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, għotjiet taż-ŻEE, għotjiet tan-Norveġja (EEA Norwegian Fund), ftehimiet bilaterali (inkluż il-Programm ta’ Ko-operazzjoni Żvizzeru Malti), u l-Kunsill tal-Ewropa.

Il-fondi ta’ ko-finanzjament huma maħsuba biex jikkumplimentaw u mhux jissostitwixxu l-attivitajiet eżistenti appoġġjati minn finanzjament tal-Unjoni Ewropea.

Dan il-fond, li jammonta għal €150,000, għandu l-għan aħħari li jassisti lill-għaqdiet volontarji sabiex ikunu f’pożizzjoni finanzjarja li jakkwistaw fondi mill-Unjoni Ewropea għall-proġetti tagħhom. Filwaqt li bħala Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat jassisti lis-settur permezz ta’ fondi lokali, hu importanti li jinkoraġġixxi u jassisti, anke b’mod ta’ ko-finanzjament, lilll-għaqdiet sabiex jibbenefikaw bl-aħjar mod minn fondi mill-Unjoni Ewropea. Dan il-fond jibqa’ disponibbli sakemm jinħlew il-fondi kollha.

B’hekk, kemm bħala settur kif ukoll bħala pajjiż, ikun qed isir l-aħjar użu mill-fondi allokati għal Malta b’risq il-komunitajiet tagħna.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli spjegat kif il-gvern se jkompli jara li l-għaqdiet volontarji jingħataw l-għajnuniet kollha possibbli biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn fondi li jgħinuhom biex ikompli f’ħidmiethom. Spjegat li bħala l-pedament tas-soċjetà Maltija, hu importanti li l-gvern jinvesti fl-għaqdiet volontarji ħalli dawn ikomplu jagħmlu tant ġid.

Aktar dettalji dwar din l-iskema u kif organizzazzjonijiet volontarji jistgħu jibbenefikaw minnha jistgħu jinkisbu minn https://vofunding.org.mt/funds/9.

Ekonomija

Sport