Wednesday, January 29, 2025

Imniedi ktieb biex jippromwovi l-inklużjoni fost it-tfal

Aqra wkoll

 B’appoġġ finanzjarju mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, tnieda ktieb biex jippromwovi l-inklużjoni fost it-tfal. Bl-isem ta’ Il-Papà Tiegħi Bravissimu…Imma Differenti dan il-ktieb ta’ ispirazzjoni jindirizza temi bħar-reżiljenza, it-talent u l-inklużjoni.

 It-tnedija ta’ dan il-ktieb saret mill-awtur Evan Chetcuti fil-preżenza tal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.

L-istorja hija mill-perspettiva ta’ tifla żgħira u missierha, artist straordinarju li m’għandux idejn. Permezz tal-għajnejn tagħha, il-qarrejja jitgħallmu li għalkemm hu “differenti” fil-kuntest tradizzjonali, it-talent u d-dedikazzjoni tiegħu jagħmluh eżempju ta’ ispirazzjoni kbira. Dan il-ktieb jinkoraġġixxi lit-tfal biex japprezzaw id-diversità, jaraw lill-bniedem lil hinn mid-diżabilità, u jifhmu l-kontribut uniku li kulħadd jista’ jagħti lis-soċjetà.

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif dan il-ktieb uniku jgħin lit-tfal jifhmu u jilqgħu l-idea tad-diversità u l-inklużjoni. “Din l-inizjattiva tgħallimhom jaraw lil hinn minn kull limitazzjoni fiżika u japprezzaw it-talenti straordinarji li kull individwu jista’ jkollu. Dan huwa pass ieħor li juri l-impenn tagħna biex inrawmu kultura fejn l-inklużjoni tkun il-qofol tas-soċjetà tagħna u mgħallma minn kmieni fit-traġitt edukattiv ta’ uliedna. Bħala Ministeru nemmnu li ktieb bħal dan għandu rwol fundamentali fit-tagħlim tat-tfal dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità. Huwa mezz effettiv biex nippromwovu rispett u għarfien minn età żgħira, u billi ngħinu biex dan il-proġett iseħħ, qegħdin nibagħtu messaġġ li kulħadd għandu valur minkejja d-differenzi,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia.

Evan Chetcuti, l-awtur, enfasizza li din il-pubblikazzjoni għandha l-għan li twassal messaġġ importanti lit-tfal sa minn età żgħira. Minkejja d-diffikultajiet li kull individwu jista’ jiffaċċja jew jiltaqa’ magħhom matul il-ħajja, xejn m’għandu jnaqqsilna l-kuraġġ biex nimxu ’l quddiem u nirnexxu f’dak li tassew nemmnu fih.

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm is-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa, Dale Hayman, flimkien ma’ grupp ta’ scouts mill-Mtarfa Baden Powell Scouts Malta.

Dan il-ktieb issa huwa disponibbli għall-bejgħ minn ħwienet tal-qari madwar Malta u Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport