Saturday, December 21, 2024

Imniedi l-akbar pakkett ta’ għotjiet finanzjarji għat-trasport

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi nedew l-akbar pakkett ta’ għotjiet finanzjarji għat-trasport fil-forma ta’ skemi favur l-ambjent u trasport sostenibbli b’total ta’ madwar €20 miljun, li se jkunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali fl-2022. Dan sar b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Transport Malta fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Għal sena oħra konsekuttiva qed nerġgħu nassistu b’aktar inċentivi finanzjarji għall-familji Maltin sabiex jagħmlu użu minn mezzi ta’ trasport aktar sostenibbli u effiċjenti. Dawn l-għotjiet huma dimostrazzjoni ta’ gvern favur l-ambjent li b’impenn se nkomplu nagħmlu differenza sabiex nilħqu l-għan ewlieni tagħna li naħdmu b’mod diliġenti dwar is-suġġett ta’ trasport alternattiv. Permezz ta’ dan l-investiment se nkomplu ngħinu lin-nies sabiex il-bidla lejn il-mobbiltà elettrika ssir bl-aktar mod naturali u bl-inqas impatt fuq l-individwu. Għaldaqstant se nkomplu naħdmu sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u se nkomplu nippromwovi l-użu ta’ vetturi elettriċi fis-settur privat kif ukoll f’dak kummerċjali.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spejga li dawn l-għotjiet qed jiġu ffinanzjati minn fondi Ewropej permezz tal-Pjan għall-Irkupru u Reżiljenza sabiex iħajru lill-pubbliku u lis-settur privat biex jinvestu f’karozzi li jaħdmu bl-elettriku. Dan il-pjan qed iwassal biex jiġu investiti €50 miljun fuq medda ta’ tliet snin, sal-aħħar tal-2024. Dr Zrinzo Azzopardi qal li wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ dan l-investiment huwa li nnaqqsu l-emissjonijet mis-sistema tat-traffiku u b’hekk inkunu qed intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, b’arja aktar nadifa.

Iċ-Ċermen ta’ Transport Malta Joseph Bugeja semma li dawn il-grants, li ta’ kull sena qed iżidu fl-ammonti tagħhom, se jkomplu jkunu ta’ għajnuna kemm għall-familji kif ukoll għall-individwi li jagħżlu li jaqilbu għal vetturi li jħammġu mill-inqas. Huwa qal li sena wara oħra t-talba tan-nies qiegħda tinstema’ u din tinsab xhieda fiż-żieda fl-ammont u anke fil-grants mis-sena l-oħra għal din is-sena.

L-applikazzjonijiet miftuħa u jistgħu jiġu aċċessati mis-sit elettroniku ta’ Transport Malta. Għal aktar informazzjoni dwar l-għotjiet wieħed huwa mitlub li jżur is-sit elettroniku: https://www.transport.gov.mt/land/sustainable-transport/financial-incentives-2022-5440

B’kollox qed jitniedu total ta’ disa’ għotjiet li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2022.

Ekonomija

Sport