Tuesday, May 27, 2025

Imniedi l-flokk tat-team nazzjonali fl-okkażjoni tal-125 anniversarju tal-MFA

Aqra wkoll

F’konferenza stampa organizzata mill- Malta FA, ġie mniedi l-flokk tal-125 Anniversarju b’edizzjoni limitata kif ukoll ingħatat ħarsa lejn il-logħbiet internazzjonali li ġejjin. 

Il-konferenza stampa ġiet indirizzata mill-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, u mid-direttur kummerċjali u tal-komunikaz­zjoni, Matthew Spiteri Gonzi, li pprovdew dettalji dwar il-kit kif ukoll informazzjoni dwar il-biljetti tal-logħbiet li ġejjin. 

Il-players tat-team nazzjonali, Rachel Cuschieri, Maria Farrugia, Henry Bonello u Carlo Zammit Lonardelli kienu preżenti wkoll. 

Id-disinn huwa ispirat mill-kit li ntlibes mit-team nazzjonali Malti fl-ewwel logħba uffiċjali tiegħu kontra l-Awstrija, lura fl-1957. Il-kit se jintlibes  fil-logħba ta’ kwalifikazzjoni Ewropea tat-Tazza tad-Dinja 2026 kontra l-Litwanja, u mit-team nazzjonali tan-nisa aktar tard dan ix-xahar. 

B’kollox saru biss 1,700 flokk li jinsabu għall-bejgħ b’kull wieħed assenjat b’numru f’din l-edizzjoni limitata. 

Numri speċifiċi ma jistgħux jiġu mitluba jew riservati, u l-kit se jinbiegħ f’kaxxa speċjali. 

“It-tnedija ta’ dan il-kit hija mod biex niċċelebraw il-125 Anniversarju tal-Malta FA. Qed nimmiraw għal prestazzjonijiet taj­bin miż-żewġ timijiet nazzjonali  biex tiġi mfakkra din it-tnedija sabiex din is-sena tkun ukoll waħda tassew memorabbli,” qal il-president Vassallo. 

“Waqt li ħdimna mad-ditta Errea, ippru­vajna nżommu d-disinn sempliċi kemm jista’ jkun, b’mod fejn anke s-simbolu tal-marka ta’ Errea jkun biss fuq il-kmiem. 

F’termini ta’ dettalji, il-kit jinkludi s-sa­lib Malti bi tmien ponot fuq quddiem, kif ukoll il-logo tal-125 Anniversarju tal-Malta FA fuq wara, flimkien ma’ marka ta’ kwalità fuq il-parti t’isfel tal-flokk,” żied jgħid is-Sur Spiteri Gonzi. 

Barra minn hekk, ingħataw ukoll dettalji dwar il-biljetti għal-logħbiet internazzjonali li ġejjin.

It-team nazzjonali tan-Nisa  għandu żewġ logħbiet kruċjali  fi Grupp C2 tan-Nations League, hekk kif it-team immexxi mill-coach, Manuela Tesse, qed ifittex li jiżgura l-promozzjoni lura għal League B. L-ewwel konfront se jkun kontra Ċipru, f’partita diretta  għall-promozzjoni … li se tintlagħab, nhar il-Ġimgħa li ġej, 30 ta’ Mejju, fl-Ista­dium Nazzjonali, fis-7.00 pm.

Dan se jkun segwit minn logħba barra minn xtutna kontra Andorra, fit-3 ta’ Ġunju. 

Il-biljetti għal-logħba kontra Ċipru diġà huma disponibbli fuq il-pjattaforma tal-biljetti tal-Malta FA. 

“Inħeġġu lil kulħadd biex jattendi biex  jingħata l-appoġġ lit-tfajliet tagħna f’partita daqshekk importanti,” irrimarka l-president Vassallo. 

Huwa żied jgħid li l-Eċċellenza Tagħha, il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, se tkun preżenti biex tappoġġja lit-team Malti.

Barra minn hekk, il-finalista tal-Eurovision Song Contest, Miriana Conte, se tkun ukoll preżenti biex tallegra lill-folla qabel il-logħba, u tħeġġiġhom biex jingħata l-appoġġ lill-players. 

It-team nazzjonali tal-Irġiel se jkun fl-az­zjoni ftit jiem wara, hekk kif ikompli l-kampanja ta’ kwalifikazzjoni Ewropea tat-Tazza tad-Dinja 2026. 

Malta se tiffaċċja lil-Litwanja, fis-7 ta’ Ġunju, fis-6.00 pm,  fl-Istadium Naz­zjonali. Il-biljetti għal-logħba huma disponibbli fuq il-pjattaforma tal-biljetti tal-Malta FA. 

Wara din il-logħba, it-team nazzjonali se jivvjaġġa lejn l-Olanda għall-partita li se tintlagħab, fl-10 ta’ Ġunju, fid-8.45 pm.  

L-applikazzjonijiet għall-biljetti għal din il-partita bħalissa qed jiġu aċċettati, b’aktar dettalji dwar kif wieħed japplika huma disponibbli mis-sit elettroniku tal-MFA.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport