Friday, December 13, 2024

Imniedi l-ktieb “Għamlulna Ġieħ: Klement Tabone”

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici nieda r-raba’ ktieb mis-sensiela “Għamlulna Ġieħ” immexxija ’il quddiem mill-għaqda “Wirt iż-Żejtun” li huwa ddedikat lil Klement Tabone, persunaġġ li għex fis-sittax u s-sbatax-il seklu.


Dan il-ktieb, bħat-tlieta ta’ qablu, kompla jwassal l-għarfien dwar persunaġġ ieħor Żejtuni li għamel ġieħ lil raħal twelidu.

Il-Ministru Bonnici qal: “Kemm inħossni onorat li għandi din l-opportunità biex inniedi dan il-ktejjeb dwar persunaġġ Żejtuni. Dan il-ktieb huwa mimli informazzjoni ddettaljata b’mod li ma jħallikx titlaq il-ktieb minn idek qabel ma taqra l-aħħar paġna. Tabone ġej minn familja tat-tajjeb li għexet f’Casal Pasqualino u barra l-ġid li ħallew u li għamlu, ħallew ukoll isimhom minqux fl-istorja ta’ beltna u ta’ pajjiżna. Is-sens ċiviku u l-lealtà ta’ dan il-bniedem lejn pajjiżu għandu jkun ta’ eżempju li fuqu jimxi kull ċittadin.”


F’dan il-ktieb ġew riprodotti żewġ artikli li kien kiteb dwar il-familja Tabone u l-Knisja ta’ San Klement, il-Kanonku Dun Joe Abela fil-ktieb tal-festa tas-Soċjetà Mużikali Beland u l-ieħor fil-ktieb tal-festa “L-Armar” tal-Għaqda tal-Armar 25 ta’ Novembru. Il-Ministru Bonnici rringrazzja lil dawn iż-żewġ għaqdiet li taw l-permess li jiġu ppubblikati dawn l-artikli.


Dr Anton Bugeja pprovda riċerka dettaljata mmens dwar dan il-persunaġġ. Permezz ta’ informazzjoni dettaljata minn diversi arkivji, wieħed seta’ jibni diversi aspetti mill-ħajja u l-istorja ta’ dan il-personaġġ.


Il-Perit Ruben Abela spjega kif l-aħħar artiklu huwa miktub minnu fejn, “nistgħu nagħtu ħarsa lejn xi binjiet u tifkiriet li b’xi mod huma marbutin mal-familja Tabone u Klement innifsu. Dawn huma binjiet u tifkiriet li għadna narawhom sal-lum u ftit nobsru u napprezzaw l-istorja tagħhom u r-rabta li kellhom ma’ nies importanti li ġew qabilna.”


Dan il-ktieb qiegħed jiġi ppubblikat f’għeluq l-għaxar snin mit-twaqqif ta’ Wirt iż-Żejtun bl-għajnuna tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Ekonomija

Sport