Tuesday, April 30, 2024

Imniedi l-Padiljun ta’ Malta fil-Biennale di Venezia

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-Padiljun Malti matul id-59 Wirja Internazzjonali tal-Arti “La Biennale di Venezia”, liema Padiljun ġie kkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Fil-Padiljun Malti qiegħda tiġi esebita installazzjoni bl-isem ta’ “Diplomazija Astuta”, liema installazzjoni ntlaqgħet tajjeb ferm min-nies li żaru l-Biennale ta’ din is-sena f’Venezja.

Il-Padiljun ta’ Malta jimmaġina mill-ġdid il-kwadru titulari seminali ta’ Caravaggio, “Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann Battista” b’mod fejn it-traġedja u l-brutalità tal-eżekuzzjoni ta’ San Ġwann tiġi esperjenzata fil-preżent bis-saħħa ta’ tiżwiqa ta’ kreattività, inġinerija, arti u xjenza.

Fil-diskors tiegħu, il-Ministru Bonnici qal li l-fatt li Malta qiegħda tieħu sehem għat-tielet darba infila fil-Biennale huwa pass importanti għall-kultura lokali. Saħaq li avvenimenti bħal dawn juru kemm it-talent lokali qiegħed ikun aċċessibbli anke għall-udjenza internazzjonali.

“L-arti tagħna u r-rakkonti li jintisġu minnha qegħdin ikunu mifruxa barra minn xtutna b’mod aktar b’saħħtu”, sostna l-Ministru Bonnici.

Il-ministru radd ħajr b’mod speċjali liċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall u t-tim tiegħu, lill-kuraturi Keith Sciberras u Jeffrey Uslip, u l-esebituri Arcangelo Sassolino, Giuseppe Schembri Bonaci u Brian Schembri.

Sport