Tnediet uffiċjalment l-istrateġija ‘Pjan Strateġiku Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla’ (Malta’s National Strategic Plan for Further and Higher Education) li se twassal sas-sena 2030.
Din l-istrateġija hija l-viżjoni tal-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) għat-tkomplija tat-tiġdid tas-settur edukattiv.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal, “Illum nedejna din l-istrateġija li hija l-Pjan Strateġiku għall-Awtorità għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla f’pajjiżna li se twassal sas-sena 2030. Irridu naraw li nibqgħu nagħtu r-riżorsi lil-awtorità li permezz tagħha nassiguraw li nattiraw dejjem aktar istituzzjonijiet edukattivi lejn pajjiżna. Qed inkomplu naħdmu biex pajjiżna jkun magħruf għall-edukazzjoni ta’ kwalità li tassigura li s-sistema edukattiva ta’ Malta tkun ta’ livell għoli u tkun dejjem waħda li tirrifletti l-iżviluppi fuq livell dinji.”
Il-Gvern huwa kommess li jkompli jaħdem biex jipprovdi aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd, għaliex irid jiżgura u jsostni komunità edukattiva b’saħħitha u ta’ kwalità għolja biex jinkiseb żvilupp kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak globali. Din l-istrateġija tpoġġi lill-istudenti fiċ-ċentru u tiffoka fuq sistema robusta ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u trasparenza. Li jkollok edukazzjoni aktar ekwa u ogħla tiżgura li kulħadd, irrispettivament mill-fatturi soċjo-ekonomiċi, ikollu opportunità ugwali għal edukazzjoni li twasslu biex jirnexxi kemm personalment kif ukoll fuq livell nazzjonali.
L-istrateġija tfasslet ukoll bl-isfond li pajjiżna jeħtieġ network ta’ providers ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja li lesti jaġixxu bħala faċilitaturi għall-bidla, biex jirrispondu għall-isfidi filwaqt li jikkontribwixxu għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-eċċellenza. L-istrateġija tirrikonoxxi r-rwol ċentrali li għandhom l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni avvanzata u ogħla fit-triq lejn tkabbir sostenibbli, u l-ħolqien ta’ pajjiż aktar kompetittiv.
Indirizzaw din il-konferenza wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-MFHEA Dr Rose Anne Cuschieri u ċ-chairperson tal-MFHEA Dr Edward Woods, fejn spjegaw fid-dettall kif din l-istrateġija se tkun qed tiġi implimentata.