Sunday, December 22, 2024

Imniedi l-proġett BioSa

Aqra wkoll

Ġie mniedi l-proġett BioSa, inizjattiva li ġiet żviluppata biex tavvanza l-irkupru tal-pazjenti ortopediċi meta parti sostanzjali mill-għadam tkun nieqsa. Din l-innovazzjoni teknoloġika se tassisti wkoll biex tnaqqas in-nefqa fis-settur mediku.

Il-Professur Joseph Buhagiar mill-Università ta’ Malta mexxa dan il-proġett b’kollaborazzjoni mal-Isptar Mater Dei. BioSa ġiet iffinanzjata mill-Programm Fusion tal-R&I, li huwa amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) b’fond ta’ madwar €200,000.

Il-proċess ta’ fejqan għall-pazjenti li jkollhom għadam nieqes ikun jinvolvi li ssir xi forma ta’ struttura magħrufa bħala scaffold biex isservi t’appoġġ għan-nuqqas ta’ għadam. L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li ssolvi diversi problemi li jinħolqu waqt il-proċess tal-mili tal-għadam billi l-iscaffold ikun maħluq b’livell ta’ bijodegrabilità kontrollabbli u speċifiku għall-pazjent.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza ta’ proġetti bħal dawn għall-iżvilupp ta’ pajjiżna għax b’hekk ikun assigurat li bħala nazzjon nagħmlu użu sostenibbli mir-riżorsi permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dawn il-proġetti jwasslu wkoll sabiex jiffaċilitaw il-professjoni ta’ diversi individwi fis-settur tal-mediċina u kif ukoll itejbu l-kwalità tas-servizz mediku.

“Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nara inizjattivi bħal din ta’ BioSa jkunu ta’ suċċess, għaliex permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni nistgħu ntejbu ħajjet il-pazjenti u kif ukoll l-operat tal-professjonisti fil-qasam tal-mediċina,” qal is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando qal li, “B’tim multidixxiplinarju Malti magħmul minn inġiniera u professjonisti mediċi ġie żviluppat qafas tal-għadam bijodegradabbli li se jgħin mhux biss fl-irkupru tal-pazjenti ortopediċi, imma se jsarraf ukoll fi tfaddil ta’ mijiet ta’ ewro għall-industrija tas-saħħa pubblika. L-MCST, permezz tal-programm Fusion, se tkompli taħdem sabiex tipprovdi l-għajnuna finanzjarja meħtieġa lir-riċerkaturi kemm mis-settur privat kif ukoll dak pubbliku, sabiex jirnexxu.”

Preżenti għal din l-attività kien hemm il-Professur Joseph Buhagiar li sostna li, “Il-finanzjament tal-MCST ikkontribwixxa għall-iżvilupp tar-riċerkaturi futuri ta’ Malta.”

Investimenti bħal dawn huma fundamentali għal pajjiżna biex jissaħħu l-opportunitajiet ġodda kemm għar-riċerkaturi li għadhom qed jikkonkludu l-istudji tagħhom u kif ukoll għal dawk diġà stabbiliti. Riċerki u innovazzjonijiet ġodda joħolqu wkoll soluzzjonijiet għall-isfidi li qegħdin kontinwament naffaċjaw madwarna.

Ekonomija

Sport