Wednesday, August 6, 2025

Imniedi l-proġett tar-riġenerazzjoni taċ-ċentru tal-Marsa b’investiment ta’ €4.5 miljun

Aqra wkoll

Proġett li għandu l-għan li jittrasforma l-pjazza tal-Marsa f’żona pubblika vibranti u aċċessibbli li tirrispetta l-wirt kulturali, ġie mniedi uffiċjalment mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Dr Miriam Dalli.

“Qed nirrestawraw il-qalba tal-Marsa filwaqt li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Din ir-riġenerazzjoni hija dwar ir-restawr ta’ spazju importanti għall-komunità; li jirrifletti l-importanza tiegħu fl-istorja tal-lokal kif ukoll il-potenzjal tiegħu għall-futur. B’investiment totali ta’ €4.5 miljun, dan il-proġett se joħloq spazju aktar sigur, aktar ħadrani u isbaħ.” qalet Dr Dalli.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC), Gino Cauchi, iċ-Chairman l-Ing. Ryan Fava, it-tim tal-GHRC, rappreżentanti tal-Kunsill Lokali tal-Marsa u diversi persuni li kienu parti mill-ippjanar tal-proġett. Dan il-proġett huwa riżultat ta’ konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati u r-rappreżentanti tal-komunità, sabiex il-bżonnijiet tal-lokal kif ukoll l-għanijiet ambjentali ikunu allinjati mad-disinn u l-ħsieb tal-proġett. 

Il-proġett se jkun maqsum f’żewġ fażijiet, u r-riġenerazzjoni se tiffoka fuq tlett għanijiet ewlenin: it-tisbiħ tal-pjazza, it-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku fiż-żona ċentrali, u l-ħolqien ta’ spazji pubbliċi. L-intervent se jkopri żona totali ta’ 9,500 metru kwadru u se jinkludi zuntier ġdid ta’ 650 metru kwadru quddiem il-Knisja Parrokkjali tat-Trinità. L-interventi vertikali se jkopru aktar minn 1,000 metru kwadru, inkluż xogħol ta’ kostruzzjoni kif ukoll xogħol ta’ restawr.

L-ispazju kollu se jiġi trasformat b’passaġġi pedonali ġodda, rampi biex jassiguraw l-aċċessibilità, zebra crossing, u korsija dedikata għar-roti, kollha ddisinjati biex itejbu l-mobilità u s-sigurtà. Se titjieb ukoll l-infrastruttura tas-servizzi, fosthom sistemi ġodda għall-ilma tax-xita, drenaġġ u ilma tajjeb għax-xorb, sistemi ta’ irrigazzjoni u tat-telekomunikazzjoni.

Se jkun hemm enfasi fuq aktar ħdura u bijodiversità, b’introduzzjoni ta’ 330 metru kwadru ta’ landscaping u t-tħawwil ta’ 32 siġra ġdida. Dawn jinkludu taħlita ta’ speċi indiġeni u Mediterranji bħal siġar taż-żnuber, ballut, ċipress, siġar ta’ ġuda, olejandru u deru. 

Ser isir dawl ġdid fit-toroq u dawl arkitettoniku ġdid biex isaħħu kemm il-funzjonalità kif ukoll l-atmosfera, speċjalment madwar il-knisja, li se tkun punt ewlieni tal-ispazju ġdid. Is-sigurtà se tkun parti integrali mid-disinn, inkluż kopertura ta’ CCTV madwar il-pjazza kollha.

Il-kostruzzjoni ser tkun qed issir minn materjali ta’ kwalità għolja u durabbli, fosthom porfido, ġebla tal-lava, ġebla iebsa u irħam. Ix-xogħlijiet mistennija jibdew lejn l-aħħar t’Awwissu.

“Dan huwa proġett ta’ sfida oħra għalina, iżda hekk kif l-isfidi fil-passat ma waqqfux lill-GHRC milli twettaq proġetti ewlenin li kienu meqjusa diffiċli biex jitwettqu, hekk ukoll se jkun l-impenn għal dan il-proġett fiċ-ċentru tal-Marsa sabiex bl-istess mod nassiguraw li dak li huwa maħsub jitwettaq. Filwaqt li nuru apprezzament lill-kunsill lokali u lil kull parti interessata involuta f’dan il-proġett, li dejjem iddiskutew diversi aspetti magħna matul l-istadju tal-ippjanar, nappellaw għal kooperazzjoni kontinwa matul l-istadju tal-implimentazzjoni,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport