Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva nieda b’mod uffiċjali l-programm Care4Diabetes waqt konferenza nazzjonali li saret fil-Forti Sant’ Anġlu, bil-parteċipazzjoni ta’ professjonisti mediċi, esperti tas-saħħa pubblika u rappreżentanti minn pajjiżi Ewropej.
Dan il-programm innovattiv jirrappreżenta punt ta’ bidla fil-kura tad-dijabete, billi joffri mudell ġdid u multidixxiplinari li jpoġġi l-prevenzjoni u l-appoġġ għal pazjent fil-qalba tas-servizz. Il-programm Care4Diabetes joffri appoġġ strutturat fuq sitt xhur lill-parteċipanti permezz ta’ tim multidixxiplinari li jinkludi tobba, dietisti, infermiera speċjalizzati u psikologi. Il-fokus tiegħu huwa fuq in-nutrizzjoni, l-attività fiżika, is-saħħa mentali, il-kwalità tal-irqad u l-immaniġġjar tal-istress.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega kif id-dijabete hija waħda mill-akbar sfidi tas-saħħa f’Malta. “Meta nitkellmu dwar id-dijabete, ma nitkellmux dwar statistika iżda dwar ħajjiet umani, familji, ħbieb u pazjenti li jaffaċċjaw sfidi ta’ kuljum,” sostna Dr Abela.
Il-Ministru Abela qal kif l-ewwel żewġ ċikli pilota saru fil-gżira Għawdxija fejn urew riżultati pożittivi ħafna, b’parteċipanti li rrappurtaw kontroll aħjar taz-zokkor fid-demm, inqas dipendenza fuq il-mediċini, telf ta’ piż u titjib fil-benesseri mentali. Tenna kif dan il-programm mhux biss joffri kura aħjar, iżda wkoll jippromwovi stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu u sostenibbli, billi jgħin lin-nies jifhmu u jbiddlu l-istil ta’ ħajja tagħhom.
“Il-Care4Diabetes ma joffrix soluzzjoni ta’ malajr, iżda joffri l-għodod biex inbiddlu l-istil ta’ ħajja. Meta pazjent iħossu appoġġjat, is-saħħa tiegħu titjieb – fiżikament u emozzjonalment. Il-prevenzjoni mhijiex biss kwistjoni tas-saħħa, hija wkoll kwistjoni soċjali u ekonomika. Kull każ ta’ dijabete evitat ifisser inqas pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa u aktar ħajjiet salvati. Flimkien nistgħu nbiddlu t-triq tad-dijabete f’Malta”, temm jgħid Dr Abela.

