Thursday, December 26, 2024

Imniedi l-prospett tal-Giovanni Curmi Higher Secondary School għas-sena skolastika 2023/24

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet tnieda l-prospett tal-Giovanni Curmi Higher Secondary School (GCHSS) għas-sena skolastika 2023/24, li jinsab online biex ikun milħuq aħjar u b’mod interattiv mill-istudenti prospettivi kollha tal-GCHSS.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li, “Din l-istituzzjoni edukattiva post-sekondarja tipprovdi edukazzjoni permezz tal-iżvilupp sħiħ tal-abbiltajiet tal-istudent u l-prospett li qed inniedu llum huwa riflessjoni ta’ din il-missjoni. Huwa prospett li jħares lejn l-istudent bħala ċentru tal-edukazzjoni, u jagħti opportunitajiet biex l-istudent ikompli għaddej fil-kisba tal-edukazzjoni tiegħu, marbuta mal-ħtiġijiet tad-dinja tax-xogħol.”

Il-Ministru Grima qal li l-prospett huwa mfassal fuq il-ħtiġijiet tal-istudent prospettiv tal-GCHSS, u għalhekk iħares lejn l-abbiltajiet varji li għandhom l-istudenti u kif il-GCHSS tista’ toħroġ l-aħjar elementi edukattivi tal-istudenti. Huwa spjega li l-GCHSS hija pass ’il quddiem mill-ħajja sekondarja tal-istudent – b’edukazzjoni aktar avvanzata u wkoll speċjalizzata. Dan iwassal biex l-istudenti mhux biss jiksbu edukazzjoni fis-suġġetti li l-aktar jinteressawhom, imma importanti wkoll li l-istudenti jiksbu ħiliet importanti għall-karriera li jagħżlu.

“Din l-istituzzjoni edukattiva post-sekondarja, permezz tal-firxa wiesgħa ta’ suġġetti li toffri, tagħti lill-istudenti pedament sod li permezz tiegħu jkollhom l-aħjar u l-aqwa transizzjoni bejn il-bank tal-iskola u d-dinja adulta, u dik tax-xogħol,” temm jgħid il-Ministru Grima.

Min-naħa tagħha, il-kap tal-iskola Anna Spiteri qalet, “Din l-iskola hija l-unika skola post-sekondarja tal-istat li toffri programmi ta’ sentejn għal studenti li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom jew li jfittxu impjieg. Dan il-prospett huwa wieħed rikk u fih l-informazzjoni importanti kollha dwar is-suġġetti mgħallma fl-iskola, il-korsijiet u l-programmi varji li għandna x’noffru, is-servizzi ta’ appoġġ ipprovduti, u l-faċilitajiet li jinsabu fil-kampus.”

Matul is-sajf, il-GCHSS qed toffri wkoll opportunità għal sessjonijiet ta’ konsultazzjoni lil dawk interessati mal-membri tat-Tim ta’ Gwida u Pariri tal-iskola. L-appuntamenti għal dan il-għan jistgħu jsiru fuq 21431407 jew b’email: [email protected].

Il-kampus tal-GCHSS se jkun miftuħ għall-istudenti prospettivi u l-ġenituri/kustodji tagħhom fil-21 ta’ Ġunju 2023 mill-10.00am sal-12.00pm u mis-6.00pm sat-8.00pm biex dawk li jattendu jkunu jistgħu jaraw il-kampus u jiksbu aktar informazzjoni dwar il-korsijiet u l-programmi li toffri.

L-istudenti jistgħu jżommu kuntatt mal-iskola permezz tas-sit elettroniku https://www.gchss.edu.mt/   jew permezz tal-paġna ta’ Facebook: https://www.facebook.com/GCHSSnaxxar.

L-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet jiftħu fl-20 ta’ Lulju u jagħlqu fl-14 t’Awwissu. It-tieni sejħa tiftaħ f’nofs Settembru. Il-prospett jinsab fis-sit elettroniku: https://www.gchssprospectus.com.

Ekonomija

Sport