Wednesday, December 25, 2024

Imniedi l-Prospett tal-MCAST għas-sena akkademika 2023-24 b’9 korsijiet ġodda

Aqra wkoll

Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCAST) nieda uffiċjalment il-prospett il-ġdid għas-sena akkademika 2023-24 u se joffri 200 kors minn livell bażiku għal korsijiet fil-livelli ta’ Baċċellerat u Masters. Il-kwalifiki vokazzjonali li joffri l-kulleġġ jinkludu element qawwi ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol biex l-istudenti jgawdu minn tagħlim prattiku f’diversi suġġetti, inklużi l-arti kreattiva, ix-xjenza applikata, l-inġinerija, is-servizzi fil-komunità, u l-informatika. Il-kulleġġ ħabbar li minn Ottubru 2023 se jkunu offruti disa’ korsijiet ġodda.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal, “L-investiment fl-edukazzjoni u l-ħiliet huwa prijorità. Issa qed naraw l-ewwel gruppi ta’ studenti li għażlu suġġetti vokazzjonali jimxu b’suċċess lejn l-edukazzjoni ogħla. L-istudenti tagħna jeħtieġ li jiżviluppaw ħiliet biex ikunu kreattivi, dinamiċi, isolvu problemi, u jkunu kapaċi jaħdmu fi grupp, jidderieġu lilhom infushom, u jitgħallmu affarijiet ġodda. Il-firxa ta’ korsijiet li joffri l-kulleġġ hija impressjonanti u tgħaddi messaġġ ċar lill-istudenti biex jisfruttaw dawn l-opportunitajiet ta’ tagħlim”.

Il-Prinċipal tal-Kulleġġ u Kap Eżekuttiv il-Professur Joachim James Calleja qal, “L-istudenti reġistrati full-time żdiedu bi 8% meta mqabbla mas-sena akkademika preċedenti, u aktar studenti għażlu korsijiet relatati max-xjenzi u l-inġinerija.

Aħna impenjati biex l-istudenti tagħna jkunu jistgħu jiksbu il-karriera li jixtiequ filwaqt li noffru ambjent ta’ tagħlim inklussiv. L-istudenti għandu jkollhom l-informazzjoni kollha f’idejhom minn ħafna qabel biex jagħmlu għażliet infurmati. Il-kulleġġ jaħdem mill-qrib ma’ aktar minn 2,000 kumpanija biex jiżgura r-rilevanza fit-tagħlim filwaqt li jieħu ħsieb l-ħtiġijiet ta’ popolazzjoni studenteska diversa”.

Il-prospett tnieda waqt seminar għall-industrija li ddiskuta n-nuqqasijiet fil-ħiliet fid-dinja tax-xogħol. Aktar minn 120 persuna pparteċipaw fl-avveniment appoġġjat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, il-Kamra Maltija tal-SMEs, il-Malta Chamber u l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem.

L-MCAST kompla jistinka biex ikun hemm djalogu effettiv mal-industrija u r-rappreżentanti tal-industrija. Fil-fatt, il-kulleġġ organizza sensiela ta’ diskussjonijiet bit-titlu ‘Encounter – MCAST meets Industry’ biex tittieħed azzjoni u titjieb l-esperjenzi tal-istudenti fl-apprendistat.

Il-prospett jista’ jitniżżel direttament mill-website tal-kulleġġ mcast.edu.mt. Il-pubblikazzjoni tinkludi rekwiżiti ta’ dħul, kontenut tal-korsijiet u informazzjoni dwar karrieri.

Ekonomija

Sport