Monday, April 29, 2024

Imniedi n-National STEM Community Fund

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti nieda t-tielet edizzjoni tan-National STEM Community Fund.

Il-fond, li huwa amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) flimkien mal-Esplora u n-National STEM Engagement Working Group, jipprovdi għajnuna finanzjarja lill-organizzazzjonijiet lokali biex jimplimentaw proġetti li huma relatati mas-suġġetti STEM fi ħdan il-komunità. Dan l-appoġġ finanzjarju huwa mmirat biex ir-riċerka, l-edukazzjoni, il-komunikazzjoni, l-involviment taċ-ċittadini fis-suġġetti STEM jiġu xprunati permezz ta’ dawn il-proġetti.

Il-proġetti li se jintgħażlu wara li tagħlaq is-sejħa għall-applikazzjonijiet, se jirċievu għotja massima ta’ €8,000 għal kull proġett sabiex jitgawda mill-komunità kollha. Is-sena li għaddiet ingħataw €24,000 minn dan il-Fond lil numru ta’ organizzazzjonijiet biex jikkollaboraw ma’ riċerkaturi u professjonisti STEM biex jiżviluppaw il-proġett tagħhom fil-komunità.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti spjega li, “Impenjati li nkomplu nħeġġu u nżidu aktar l-attività xjentifika u r-riċerka u l-għarfien dwar is-suġġetti STEM fi ħdan il-komunitajiet tagħna u kien għalhekk li reġa’ qed jitnieda dan il-Fond. Dan il-Fond huwa investiment li se jitgawda mis-soċjetà kollha. Għaldaqstant qed nerġgħu nistiednu liċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet sabiex joħorġu b’inizjattivi fil-komunitajiet tagħhom.”

Il-Kap taċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Olaf McKay qal li permezz ta’ dan il-fond qed ikomplu jqarrbu s-suġġetti STEM lejn il-komunitajiet. “Permezz ta’ dan il-Fond qed nappoġġjaw finanzjarjament proġetti xjentifiċi li jħallu impatt pożittiv fuq is-soċjetà tagħna. Impenjati li nkomplu mmexxu ’l quddiem r-riċerka u l-innovazzjoni fi ħdan il-komunità wkoll.”

Min-naħa tagħha, Rebecca Buttigieg, is-Senior Executive u Chairperson tan-National STEM Engagement Working Group tenniet, “Diġà rajna l-impatt pożittiv li kellu dan il-Fond f’oqsma bħall-edukazzjoni STEM, is-sostenibbiltà u l-konservazzjoni ambjentali. Inħarsu ’l quddiem għall-proġetti innovattivi ta’ din is-sena u l-benefiċċji li se jġibu magħhom.”

Organizzazzjonijiet eliġibbli, inklużi skejjel u ċentri ta’ riżorsi, jistgħu jaċċessaw l-applikazzjoni minn: https://esplora.org.mt/the-national-stem-community-fund-2024-introduction-and-applications-call-now-open/. L-applikazzjonijiet se jkunu miftuħa sal-31 ta’ Mejju 2024. Għal aktar informazzjoni ibgħat email lil [email protected].

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport