Friday, November 15, 2024

Imniedi proġett li se joħloq mad-90 impjieg fil-manifattura ta’ e-bikes f’pajjiżna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul il-jum tal-Ġimgħa fis-showroom ta’ GasanZammit Motors Limited fl-Imrieħel Bypass f’Birkirkara ġie mniedi proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea għall-ħarsien tal-ambjent. Fl-istess tnedija, il-Malta Electromobility Manufacturing Ltd. (MEM) ippreżentat soluzzjonijiet innovattivi favur l-ambjent permezz ta’ e-bikes innovattivi li se jkunu qegħdin jiġu mmanifatturati f’pajjiżna.

Il-MEM se tibda tipproduċi f’pajjiżna dawn ir-roti elettriċi assistiti minn pannelli voltovoltajiċi li se jkunu adattati għall-bżonnijiet tagħna. Dan bil-għan li tħajjar u tiffaċilita t-tranżizzjoni mill-karozzi tradizzjonali li jaħdmu bil-fjuwil għal dawk elettriċi.

“M’għandix dubju li dawn it-tip ta’ roti se jsiru popolari” – Stefan Deguara, Kap Eżekuttiv ta’ GasanZammit Motors Limted

GasanZammit Motors Limted hija l-kumpanija li se tidħol għal din l-avventura u tippreżenta lil Malta Electromobility Manufacturing Ltd. (MEM) f’Malta. F’kumment lil talk.mt, il-Kap Eżekuttiv, Stefan Deguara qalilna li, “bħala GasanZammit dejjem kellna interess qawwi f’teknoloġija ġdida u l-innovazjoni. Nemmnu li r-roti li jipproduċu MEM għandhom element qawwi ta’ innovazjoni u għalhekk iddeċidejna li nikkollaboraw magħhom u li nirrapreżentawhom lokalment. M’għandix dubju li dawn it-tip ta’ roti se jsiru popolari lokalment bħalma qiegħed jiġri fi swieq Ewropej oħra”.  

Stmat li sal-2025 il-kumpanija se toħloq 90 impjieg ġdid

Talk.mt tkellmet mal-imprenditur Perlo Pietro dwar dan il-proġett ambizzjuż li mistenni jara lil pajjiżna fi tranżizzjoni lejn l-użu ta’ mezz ta’ trasport aktar nadif, sigur u affordabbli. Dwar l-impenn tiegħu li jinvesti f’pajjiżna, l-imprenditur Taljan qalilna li wara l-preżentazzjoni tal-kunċett tiegħu f’Turin, kien avviċinat miċ-Ċermen tal-Erremme Dr Reuben Buttigieg li kkonvinċieh biex jikkunsidra lil pajjiżna għall-iżvilupp ta’ dan il-proġett.

Minn hemm huwa kien offrut spalla wkoll mill-Malta Enterprise fejn qal li l-Kap Eżekuttiv Kurt Farrugia kien strumentali biex għenu jittrasforma din l-idea f’kunċett li minnu nibtet il-kumpanija ġdida Malta Electromobility Manufacturing LTD (MEM). Il-mira ta’ din il-kumpanija hija li b’kollaborazzjoni ma’ GasanZammit Motors Limited jirnexxielha tieħu f’idejha t-tmun ta’ bejn 20 u 25 fil-mija tas-suq tar-roti elettriċi f’pajjiżna u skont l-ewwel kalkoli huwa stmat li biex dan iseħħ se jkunu qegħdin iħaddmu bejn 80 u 90 persuna bejn l-2023 u l-2025.

Disinn uniku li joffri sigurtà u kumdità

Dawn l-e-bikes mill-MEM, mgħammra wkoll b’panelli voltovoltajiċi, għandhom prestazzjoni tajba, huma effiċjenti u joffru sigurtà konformi mal-programm European New Car Assessment (EURO NCAP). Dawn ir-roti elettriċi huma differenti minn dawk li diġà nsibu fis-suq fejn l-ewwel ma wieħed għandu japprezza huwa l-fatt li l-e-bikes minn MEM huma mgħammra bi tliet roti – waħda quddiem u tnejn wara. 

Dan id-disinn uniku, b’differenza għal dawk klassiċi ta’ b’żewġ roti, tagħmel dan l-e-bike aktar stabbli u għaldaqstant huwa ferm aktar sigura. Fl-istess ħin is-sewwieq se jsibha aktar faċli biex jimmanuvraha l-e-bike tiegħu minn MEM u dan b’mod speċjali fid-dawriet. Barra minnhekk, ir-roti ta’ wara ta’ dan il-prodott innovattiv għandhom sistema ta’ suspension li tagħti lis-sewwieq rikba aktar komda.

Innaqqsu t-traffiku u jkollna arja aktar nadifa

L-e-bikes mill-MEM, li għandhom il-vantaġġ li jnaqqsu l-kongestjoni tat-traffiku u s-sewwieq jiffranka ħafna ħin ta’ ivvjaġġar. Barra li dawn jistgħu jkunu ċċarġjati fil-points li għandna mifruxa madwar il-pajjiż, huma mgħammra wkoll bil-pannelli voltovoltajiċi li jieħdu l-enerġija mix-xemx. 

Il-MEM se jkollha impjant ta’ manifatturazzjoni f’Malta fejn se tipproduċi dawn ir-roti f’investiment li huwa konformi u jirrispetta l-miri tal-UE biex jonqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u l-effetti tas-serer. Il-MEM hija msieħba ta’ konsorzju ta’ 21 istituzzjoni Ride & Drive (R&D) li jinkludu l-STMicroelectronics, Prima Industrie, l-Università ta’ SUPSI, Bit & Brain Technologies u l-Università Waseda tal-Ġappun. 

Ekonomija

Sport