Thursday, December 26, 2024

Imniedi programm ta’ taħriġ għall-Cannabis Harm Reduction Associations prospettivi

Aqra wkoll

Bħala parti mir-riforma dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis, illum ġie mniedi programm ta’ taħriġ dwar harm reduction li se jwassal għal ċertifikazzjoni għall-Cannabis Harm Reduction Associations prospettivi, li ser ikunu liċenzjati taħt reġim serju biex jipprovdu aċċess regolat b’ammont limitat ta’ kannabis għall-użu personali lill-membri tagħhom biss.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) spjegat kif, wara l-pubblikazzjoni tad-direttiva tal-Harm Reduction li tagħti linji gwida ċari għall-operat tal-assoċjazzjonijiet prospettivi, din l-inizjattiva ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni se tkompli ssaħħaħ l-politika ta’ edukazzjoni. L- assoċjazzjonijiet prospettivi f’dan is-settur se jkunu f’pożizzjoni li jaħdmu bi prattiċi studjati u li eventwalment jipprovdu informazzjoni u xejriet relevanti lil riċerkaturi u policy makers f’pajjiżna.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg tenniet li, mill-bidu nett tar-riforma, il-Gvern ried li jneħħi l-istigma tal-kriminalizzazzjoni u jkompli jikkumbatti t-traffikar tal-kannabis bis-saħħa kollha tal-liġi. Qalet li l-istrateġija tal-harm reduction trid tagħti daqqa lis-suq illegali billi jkun provdut aċċess leġittimu għall-kannabis taħt skrutinju minn uffiċjali bil-kompetenzi meħtieġa biex jassiguraw li jkunu mħarsa l-kriterji tal-kultivazzjoni, tat-trasport, tal-ħażna u tad-distribuzzjoni tal-kannabis.

“Ma nkunu qed nagħmlu l-ebda ġid li nibqgħu nagħtu t-tikketta ta’ kriminali lil persuni li jabbużaw mill-kannabis. Dawn iċ-ċittadini mhux minn jiġġudikom għandhom bżonn iżda minn jgħinhom billi jipprovdilhom toroq alternattivi ħalli jitbiegħdu mir-riskji u perikli ta’ suq kummerċjali imbottat mil-kuntrabandu tat-traffikar tad- droga”, sostniet is-Segretarju Parlamentari.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-ARUC Leonid McKay qal “Meta nitkellmu dwar harm reduction spiss nieqfu sal-policy li titkellem dwar il-ħsara tal-konsum tal-kannabis iżda l-Awtorità qed twessa’ d-diskussjoni fl-ispirtu tal-ħarsien tas-saħħa pubblika. Il-politika tal-harm and risk reduction tirrikonoxxi wkoll li persuni li jużaw il-kannabis m’għandhomx jiġu sfurzati jieħdu trattament jew jispiċċaw fis-sistema tal-ġustizzja kriminali.”

Is-Sur McKay semma wkoll li waqt it-taħriġ se jkunu qed jispjegaw ċerti perikli bħal suq kummerċjalizzat. Huwa temm jgħid li l-irwol tal-Awtorità mhux li tippromwovi l-użu tal-kannabis iżda li tipprovdi sors regolat bħala alternattiva għas-suq irregolari.

Karen Mamo, Maniġer fl-ARUC, spjegat l-għanijiet ewlenin tal-prinċipju tal-harm and risk reduction fi ħdan qafas regolat mibni fuq sistema ta’ non-profit. Hija spjegat ukoll li l-ARUC se tadotta approċċ komprensiv u se tiżgura li l-lingwa u l-politika flimkien max-xogħol ta’ riċerka jistgħu jsarrfu f’użu responsabbli, filwaqt li jkun stabbilit ambjent mingħajr stigma soċjali.

Intant, tħabbar ukoll li l-Awtorità se tkun qed torganizza għadd ta’ round tables tematiċi li se jiffokaw fuq il-kannabis, is-saħħa pubblika u l-iżvilupp sostenibbli.

Ekonomija

Sport