Tuesday, April 23, 2024

Imniedi r-Raba’ Kungress Dinji tas-Sajd fuq Skala Żgħira ġewwa pajjiżna

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tas-Sena Internazzjonali għas-Sajd u Akwakultura artiġjanali, ġie mniedi r-Raba’ Kungress Dinji tas-Sajd fuq Skala Żgħira li se jkun qed isir f’pajjiżna għall-ewwel darba. Dan ġie varat mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said. 

L-għan aħħari ta’ dan il-kungress hu li jippromwovi l-kollaborazzjoni u d-djalogu bejn ir-riċerkaturi, l-akkademici, is-sajjieda u l-partijiet interessati li għandhom kuntatt dirett jew indirett mas-settur tas-sajd. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, ir-Raba’ Kungress Dinji tas-Sajd fuq Skala Żgħira qed jiġi organizzat flimkien mal-ħames kontinenti tad-dinja, l-Asja, l-Amerika ta’ fuq, l-Ewropa, l-Afrika u l-Amerika Latina.

Il-kungress se jsir bejn it-12 ta’ Settembru u l-14 ta’ Settembru 2022, fl-MCAST ġewwa Raħal Ġdid, u qed jiġi organizzat mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura b’kollaborazzjoni mal-organizazzjoni “Too Big To Ignore”.

Matul dan il-kungress, ser jiġu ppreżentati proġetti u rickerki ta’ bosta riċerkaturi bil-għan li jgħinu f’diskussjoni ta’ tfassil ta’ politika soċjali għas-sajjieda ta’ skala  żgħira fuq livell Ewropew u dak dinji, sabiex dan is-settur jibqa’ vijabbli. 

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said saħqet li “Tajjeb li wieħed jinnota li madwar 93% tas-settur tas-sajd f’Malta huwa kkunsidrat bħala sajd ta’ skala żgħira. Dan il-kungress ser joffri opportunità ta’ skambjar ta’ ideat dwar kif din il-viżjoni tista’ tiġi milħuqa u ser jiġu diskussi azzjonijiet u prijoritajiet fuq livell ta’ governanza nazzjonali u reġjonali, sabiex b’hekk niżguraw li l-futur tas-settur tas-sajd ta’ skala żgħira jkun ta’ bilħaqq sostenibbli.”

Dan il-kungress ser jikkontribwixxi għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, b’mod partikolari l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) 14 “Ħajja taħt l-ilma”. Huwa proprju għalhekk li ser jiġi enfassizzat l-irwol fundamentali li għandhom is-sajjieda fuq skala żgħira. Kull min hu interessat li jipparteċipa u jkun parti minn din id-diskussjoni jista’ jċempel lid-Dipartiment tas-Sajd fuq 2292 6876.

Sport