L-Isptar Ġenerali t’Għawdex nieda servizz ġdid għall-pazjenti tal-onkoloġija, li jimmarka pass importanti ’l quddiem fil-kura ta’ sostenn għall-pazjenti li jkunu għaddejjin minn trattament ta’ kimoterapija. Dan is-servizz sar possibbli grazzi għal donazzjoni ta’ magna Paxman Scalp Cooling mill-Fondazzjoni Action for Breast Cancer.
L-introduzzjoni ta’ din it-teknoloġija tippermetti lill-pazjenti li jirċievu l-kimoterapija biex jibbenefikaw mill-istess għażla ta’ konservazzjoni tax-xagħar li diġà hija disponibbli fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo (SAMOC). Is-sistema ta’ tkessiħ tal-kranju hija ddisinjata apposta biex tnaqqas it-telf tax-xagħar ikkawżat mill-kimoterapija, u b’hekk tappoġġja l-benesseri tal-pazjent, tnaqqas parti mill-piż emozzjonali tat-trattament, u tgħin lill-pazjenti jżommu sens ta’ normalità matul il-vjaġġ tagħhom fil-kura.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela qal kif permezz ta’ din il-magna, pazjenti Għawdxin li jirċievu kura għal kanċer se jingħataw dan it-trattament f’Għawdex stess. “Dan huwa pass li jikkumplimenta l-ħidma tal-Gvern u tal-ħaddiema fl-istess sptar biex is-servizzi relatati mal-kanċer f’Għawdex dejjem jiżdiedu. Fix-xhur li ġejjin se nkunu qed naraw ukoll l-espansjoni ta’ waħda mis-swali għat-trattament biex aktar Għawdxin ikunu jistgħu jingħataw kura mingħajr bżonn ta’ traġitt lejn Malta,” temm jgħid il-Ministru Abela.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Action for Breast Cancer Esther Sant, awgurat li din il-magna tgħin lil pazjenti li għaddejjin mill-kura tal-kanċer u li tħalli impatt pożittiv fit-trattament tagħhom.