Saturday, November 23, 2024

Imniedi servizz ġdid ta’ First Aid Mobile Unit f’Wied iż-Żurrieq u f’Għar Lapsi

Aqra wkoll

Estiż is-servizz ta’ lifeguards fil-bajjiet f’Malta, f’Għawdex u f’Kemmuna

YouTube video

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli nediet uffiċjalment is-servizz ta’ lifeguards fuq il-bajjiet f’Malta, f’Għawdex u f’Kemmuna għas-sajf 2020.

B’investiment ta’ €900,000, is-servizz beda dan il-weekend u se jibqa’ sejjer sat-30 ta’ Settembru. Sa issa huma 12-il bajja li joffru servizz ta’ lifeguards f’Malta. F’Għawdex, il-bajjiet b’servizz ta’ lifeguard jammontaw għal ħamsa, filwaqt li hemm ukoll servizz ta’ lifeguard fil-bajjiet ta’ Blue Lagoon u l-Bajja ta’ Santa Marija f’Kemmuna.

Il-bajjiet f’Malta huma l-Ġnejna, Għajn Tuffieħa, Golden Sands, l-Għadira, il-Bajja ta’ Buġibba, il-Ponta tal-Qawra, il-Bajja ta’ San Ġorġ u l-Bajja tal-Balluta f’San Ġiljan, Fond Għadir f’Tas-Sliema, il-Fajtata f’Wied il-Għajn u l-Bajja s-Sabiħa u l-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa.

F’Għawdex, is-servizz ta’ lifeguard se jkun offrut fir-Ramla l-Ħamra, Marsalforn, ix-Xlendi, Mġarr ix-Xini u Ħondoq ir-Rummien.

Minbarra s-servizz ta’ lifeguard li nafu bih b’mod tradizzjonali, minn din is-sena se jibda jiġi offrut servizz speċjali ta’ First Aid Mobile Clinic fil-bajjiet ta’ Wied iż-Żurrieq u f’Għar Lapsi. Dan se jkun immexxi mill-Malta Red Cross.

Is-servizz se jkun qed jinkludi wkoll numru ta’ rescue vans li jġorru l-lifeguards bħala back-up u hydro-ambulance.

Is-servizz se jinkludi wkoll ħames jet skis, tlieta f’Malta u waħda kull wieħed f’Għawdex u f’Kemmuna. F’Malta, il-jet skis se jkunu fl-Għadira, f’Golden Bay u f’Buġibba, filwaqt li f’Għawdex il-jet ski se tkun f’Marsalforn u f’Kemmuna l-jet ski se tkun fil-Blue Lagoon.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li dan is-servizz se jkun utli u bżonnjuż ferm hekk kif eluf ta’ Maltin u Għawdxin jibdew jirrikorru għall-bajjiet f’dawn il-ġranet sħan. Magħhom se jingħaqdu mill-1 ta’ Lulju l-ewwel turisti li se jżuru pajjiżna malli jiftaħ l-ajruport.

“L-impenn tagħna li jkollna sajf minkejja t-taqlib tal-aħħar xhur qed inkomplu nsaħħuh u ħa żvolta pożittiva oħra b’dan is-servizz ta’ lifeguards. Kull persuna fil-bajjiet – Maltin, Għawdxin u turisti – se jkollhom rashom mistrieħa huma u jqattgħu l-ħin liberu tagħhom f’dawn il-ġmiel ta’ bajjiet li l-gżejjer tagħna huma mogħnija bihom,” qalet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Dan is-servizz jikkumplimenta l-ħidma ta’ beach supervisors tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li kull sena jkunu fuq il-bajjiet biex jassiguraw li l-protokolli jkunu mħarsa.

Id-Direttur dwar l-Iżvilupp tal-Prodott fi ħdan l-MTA, il-Perit Kevin Fsadni, qal li l-Awtorità ilha għal żmien twil timmaniġġja l-bajjiet, u element importanti ta’ dan l-immaniġġjar hu s-salvataġġ u l-ewwel għajnuna. Għall-ewwel darba s-servizz tal-ewwel għajnuna qed jiġi provdut f’Wied iż-Żurrieq u f’Għar Lapsi bil-ħsieb li dejjem jitjieb il-prodott.

Is-Sur Kevin Brincau, Direttur tal-Operat Malta Red Cross, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li qed joffru dan is-servizz f’żewġ bajjiet oħra biex jassiguraw is-sigurtà. Irringrazzja lill-Ministeru u lil kull min kien involut biex b’għan wieħed ikunu jistgħu joffru servizz aħjar.

Is-Sindku tal-Qrendi, is-Sur David Schembri, kellu kliem ta’ tifħir hekk kif dan is-servizz se jkun qed jiġi provdut anke fil-bajja ta’ Wied iż-Żurrieq u f’Għar Lapsi imma wkoll ix-xogħol ta’ tisbiħ li qed isir f’din iż-żona.

Preżenti kien hemm ukoll il-Viċi Sindku, is-Sur Patrick Bugeja, u l-kunsilliera Marion Parnis flimkien ma’ numru ta’ rappreżentanti mill-Malta Red Cross u beach supervisors mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Sport