Il-Ministru tal-Ekonomija jiddeskrivi din l-iskema ta’ €2.5 miljun bħala “spinta tant bżonnjuża għall-ispirtu intraprenditorjali lokali”
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar Silvio Schembri ħabbar skema ġdida ta’ sussidju għall-kiri ta’ art, bini jew spazju industrijali, indirizzata għan-negozji żgħar u medji lokali. Dan is-sussidju fil-kera ser ikopri massimu ta’ 50% (jew €75,000) ta’ dawk li jikru minn terzi persuni fis-settur privat, u sejra tapplika għall-perjodu bejn Frar ta’ din iss-ena, sal-aħħar tas-sena 2022.
Il-Ministru Schembri saħaq li, filwaqt li l-enerġija tal-Gvern fil-preżent hija ddedikata “biex negħelbu l-isfida tal-imxijan tal-Covid-19, dan ma jfissirx li l-ħidmiet l-oħra tal-Gvern ser jintefgħu mal-ġenb. Din hija skema, li tlaħħaq total ta’ €2.5 miljun, sejra tgħin lin-negozji u lill-intrapriżi tagħna jdaħħlu ħaddiema ġodda, u jkomplu joffru postijiet ta’ impjiegi ġodda għall-poplu Malti u Għawdxi.”
“Din l-għajnuna sussidjarja sejra tagħti nifs lil dawn in-negozji; hija opportunita biex nagħtu spinta tant bżonnjuża, u nkomplu nqjamu l-ispirtu intraprenditorjali ta’ pajjiżna. B’hekk, inħallu iktar flus fil-bwiet tal-intrapriżi.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, saħaq li l-aġenzija “ħassiet li wasal iż-żmien fejn in-negozji Maltin diġa bdew iħarsu lejn it-triq il-quddiem. Din hija għodda oħra biex Malta Enterprise tħeġġeġ lin-negozji jirrikorri għas-settur privat, iktar milli lejn il-propjeta tal-Gvern, għall-pjanijiet ta’ tkabbir tal-operat tagħhom.”
Mistoqsi minn dan il-ġurnal x’miżuri jistgħu jittiedħu mill-Gvern biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm lok ta’ abbuż min-negozji Maltin, biex dawn il-flus jgħinu biex jiġu assigurati l-impjiegi, Farrugia saħaq li din l-iskema, “bħal ħafna skemi oħrajn, jkun fihom ir-regolamenti li jridu jiġu segiwiti.”
“Dan mhix inċentiv fejn l-Aġenzija, jew il-Gvern, jaqbad jagħti ċekk ta’ flus lin-negozji tagħna, mingħajr ma jintlabu d-dokumentazzjoni u r-regolamenti annessi magħhom. L-intenzjoni tagħna hija li nkomplu nkabbru l-attivita: Jekk jitnaqqsu l-impjiegi, l-attivita tal-intrapriża sejra tinżel, u mhix tikber, u għalhekk tkun qegħda tmur kontra l-ispirtu ta’ din l-istess skema.”