Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoniet li fakkru l-50 sena mit-twaqqif tiegħu, il-Bank of Valletta ta opportunità lill-impjegati sabiex jesponu t-talent tagħhom fil-fotografija. Ħdax-il impjegat intgħażlu biex jesibixxu selezzjoni ta’ ritratti f’wirja li qed tittella’ fil-livell terran tal-Bank of Valletta Centre f’Santa Venera.
Il-Bank of Valletta jinkoraġixxi l-espressjoni artistika tal-impjegati tiegħu
Ernest Agius, Chief Operations Officer, irrimarka li għalkemm l-arti u l-ħidma bankarja jidhru differenti minn xulxin, il-kreattività hija essenzjali fit-tnejn li huma għax tixpruna l-innovazzjoni, tgħin biex jissolvew il-problemi, u ttejjeb il-kommunikazzjoni.
Avvenimenti, bħalma hija din il-wirja, huma strumentali biex jissaħħaħ is-sens ta’ komunità fost l-impjegati. “L-għan ta’ din il-wirja huwa primarjament biex inqarrbu iktar il-ħidma li jagħmel l-impjegat barra x-xogħol u d-dinja tax-xogħol tiegħu,” qal is-Sur Agius.
Il-Bank of Valletta jappoġġja l-arti u l-kultura f’Malta
Il-Bank of Valletta ilu għexieren ta’ snin kontributur ewlieni fl-arti u l-kultura f’Malta. Din il-wirja hija parti mill-impenn tal-Bank li jibqa’ vibranti u dinamiku. Ir-ritratti ta’ dawn il-ħdax-il impjegat huma maqsuma fuq temi li jwaħħdu r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) tal-BOV mal-fotografija.
Dawn jinkludu l-arti u l-kultura, l-arkitettura, l-istorja, l-ambjent, u l-aspett soċjali. Fil-wirja qed jieħdu sehem Brian Agius, Michelle Attard, Kurt Mario Bonello, Georges Boulanger, Robert Bugeja, Claudine Despott, Tonio Ellul, Ivan Gatt, Clare Piscopo, Carmela Loredana Umbro, and Ryan Zammit.
Il-Kap tas-CSR, Charles Azzopardi, qal li parti mil-livell terran tal-Bank of Valletta Centre f’Santa Venera hija dedikata għall-impjegati biex jesebixxu t-talenti tagħhom, fost oħrajn. Fl-istess post, fix-xhur li għaddew, il-Bank tella’ wirja artistika b’sittax-il biċċa xogħol tal-arti, xogħol l-impjegati tiegħu stess.
Id-dedikazzjoni u l-impenn għal inizjattivi kulturali hija parti mill-istrateġija tas-CSR tal-Bank of Valletta. Il-wirja hija miftuħa għall-impjegati tal-Bank u dawk kollha li jżuru l-Bank of Valletta Centre f’Santa Venera għal xi appuntament. Il-BOV Centre ġie rrinnovat fix-xhur li għaddew.