Sunday, October 27, 2024

“Impenjata li tiżgura li kull ħaddiem ikun trattat b’dinjità u rispett” – Segretarju Ġenerali Josef Bugeja

- Il-General Workers’ Union tfakkar il-81 anniversarju tagħha

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union fakkret il-81 anniversarju tagħha bil-kommemorazzjoni annwali tagħha quddiem il-Monument tal-Ħaddiema fl-Imsida, is-sit li jimmarka l-ewwel laqgħa tal-akbar trade union fil-gżira lura fl-1943.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja fakkar fl-istorja u l-valuri tal-union, f’diskors li fih appella għal involviment ikbar tal-ħaddiema fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjithom fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll jafferma mill-ġdid l-impenn tal-GWU għal-trattament ugwali tal-ħaddiema, kwalità ta’ ħajja aħjar u soċjetà aktar ġusta u inklużiva.

“F’dinja ta’ xogħol li dejjem tevolvi, bil-ġirja għal aktar effiċjenza, produttività u aktar profitti t-trade unions għandhom irwol essenzjali fit-tisħiħ tas-soċjetà. Il-ħaddiem għandu dritt li jipparteċipa fis-suċċess ta’ kull post tax-xogħol tiegħu,” qal Bugeja.

Huwa wissa li l-ħaddiema kienu l-ewwel li sofrew il-konsegwenzi negattivi tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. “Kull uffiċjal li hawn madwari huma d-difensuri ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fid-dinja tax-xogħol. Hija l-ħidma ta’ kull wieħed minna li niżguraw li l-ebda ħaddiem, Malti, Ewropew jew dawk ġejjin minn pajjiżi terzi u irrispettivament mill-isfond jew iċ-ċirkustanzi tiegħu, ma jibqa’ lura.”

Bugeja qal ukoll li l-GWU se tkun ta’ tarka għar-razziżmu lejn il-ħaddiema. “B’mod partikolari f’dawn iż-żminijiet, meta r-razziżmu qed jerfa’ rasu, nemmnu fil-ħidma u s-servizzi li jingħataw lill-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi li spiss jaffaċċjaw sfruttament u abbuż. Ma nistgħux u mhux se nħallu dan ikompli. Il-General Workers’ Union hija impenjata li tiżgura li kull ħaddiem, għandu jkun trattat b’dinjità u rispett.”

Bugeja esprima s-sodisfazzjon tal-union li l-gvern se jkun qed iwettaq konsultazzjoni wiesgħa dwar l-għan li ilu jħaddan għal sħubija awtomatika tal-ħaddiema fi Trade Union tal-għażla tagħhom, li dwarha l-GWU kienet minn ta’ quddiem fl-isforzi tagħha biex telimina l-abbuż u tiżgura trattament ugwali għall-ħaddiema kollha.

“Ejjew inkunu ċari: aħna mhux biss difensuri. Aħna promoturi. Nippromwovu l-aġenda tal-ħaddiem u nippromwovu trattament ġust, pagi diċenti, u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin. Għalhekk nemmnu li dan huwa ż-żmien opportun biex tidħol fis-seħħ il-liġi li tirregola s-sħubija awtomatika tal-ħaddiema fi Trade Union tal-għażla tagħhom. Din mhix politika biss – nemmnu li hija neċessità fil-ġlieda kontra l-inġustizzja fuq il-post tax-xogħol.”

Bugeja żied jgħid li l-GWU temmen li viżjoni u strateġija ħolistika nazzjonali hija essenzjali għall-iżvilupp kontinwu ta’ Malta f’dinja kkaratterizzata minn bidliet ekonomiċi u teknoloġiċi kbar, iżda wkoll gwerer u l-effetti tal-kriżi klimatika.

Bugeja qal li nazzjon żgħir bħal Malta jeħtieġ ippjanar strateġiku bir-reqqa biex jiffaċċja l-isfidi tiegħu. “Viżjoni waħda ħolistika li tintegra l-elementi kollha tal-oqsma ekonomiċi, soċjali, tal-kwalità tal-ħajja tagħna u ta’ governanza. Din il-viżjoni għandha titfassal bejn il-partiti politiċi u s-sħab soċjali. Fuq din il-viżjoni għandu jinħadem pjan komprensiv għall-pajjiż, biex niżguraw li nimxu ‘l quddiem bħala soċjetà u li s-setturi kollha jaħdmu f’armonija biex jintlaħqu għanijiet komuni.”

B’referenza għall-passat tal-GWU, Bugeja fakkar kif iċ-ċirkostanzi ta’ żmien il-gwerra welldu l-ħtieġa ta’ unjin, li llum tibqa’ b’missjoni kritika.

“Il-General Workers’ Union twieldet minn ħtieġa profonda – ħtieġa li jiġu introdotti drittijiet ġodda, trattament xieraq u ugwali bejn il-ħaddiema Maltin u dawk Ingliżi. Inħolqot biex iġġib ‘il quddiem l-uġigħ u l-karbiet tal-ħaddiema. Ħadmet matul is-snin biex tipproteġi dawk id-drittijiet li akkwistaw matul is-snin il-ħaddiema. Ħadmet biex tingħata vuċi lil dawk li m’għandhomx vuċi, u li tkun is-sinsla tal-progress soċjali. Illum, din il-missjoni hija kritika daqs qatt qabel.”

Bugeja żied jgħid li l-GWU llum tibqa’ fil-qalba tat-trasformazzjoni soċjo-ekonomika ta’ Malta, ssawwar il-politika bi proposti li jagħtu prijorità lill-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u jiżguraw impjiegi diċenti.

“Dan huwa l-ħsieb dwar il-futur li rridu nibnu għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. U jekk qed nitkellmu dwar il-futur ma nistgħux ninsew il-passat tagħna. Ejja f’dan il-mument ukoll nonoraw lill-pensjonanti tagħna, dawk li bnew dan in-nazzjon u l-General Workers’ Union mill-qiegħ. Huma l-pilastri li fuqhom huwa mibni l-preżent tagħna, u rridu niżguraw li huma wkoll ikomplu jgħixu fid-dinjità, u jaħsdu l-benefiċċji tax-xogħol iebes li ddedikaw ħajjithom għalihom.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport