Malta tenniet l-impenn tagħha favur l-azzjoni klimatika u l-progress ambjentali waqt taħditiet ta’ livell għoli fil-Kunsill Informali tal-Ministri għall-Ambjent f’Aalborg, id-Danimarka.
Waqt diversi sessjonijiet, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli enfasizzat li r-realtajiet taċ-ċittadini u l-flessibbiltà għandhom jixprunaw l-azzjonijiet klimatiċi li ser iwassluna lejn l-2040 u lil hinn.
Il-Ministru Dalli enfasizzat li: “Aħna, bħala pajjiż, impenjati bis-sħiħ li nilħqu l-għanijiet klimatiċi tal-UE, imma rridu nilħquhom b’mod li jkun ġust, sostenibbli u li jwassal għal riżultati konkreti mingħajr piż mhux neċessarju fuq in-nies tagħna. Kull Stat Membru għandu jingħata l-għodod u l-flessibbiltà meħtieġa biex iwettaq ir-rwol tiegħu. Malta hija lesta li tagħmel dan.”
Il-laqgħa laqqgħet flimkien ministri għall-ambjent minn madwar l-Unjoni Ewropea biex jiddiskutu l-prijoritajiet qabel il-COP30, il-konferenza globali li jmiss dwar il-klima u li se ssir fil-Brażil.
Minkejja li Malta hija gżira żgħira f’nofs il-Mediterran, pajjiżna enfasizza fuq il-ħtieġa urġenti li jitlesta l-Għan Globali dwar l-Adattament, għan ewlieni li għandu jgħin lill-pajjiżi jadattaw għall-effetti dejjem aktar ħorox tal-bidla fil-klima.
“L-adattament huwa essenzjali għal stati gżejjer żgħar u komunitajiet li jinsabu fuq quddiem nett,” wissiet il-Ministru, waqt li sejħet biex rapporti bħall-Kontribuzzjonijiet Determinati fuq Livell Nazzjonali (NDCs) jintużaw mhux biss biex jitkejjel il-progress, imma biex tinbena narrattiva globali ċara u kondiviża. L-NDCs huma pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali skont il-Ftehim ta’ Pariġi.
Dwar il-futur ambjentali tal-Ewropa, il-Ministru Miriam Dalli appellat għal aktar azzjoni f’żewġ oqsma kruċjali: l-adattament klimatiku u l-ekonomija ċirkulari. Il-Ministru semmiet kisbiet nazzjonali sinifikanti, fosthom ir-rata ta’ użu ta’ materjal ċirkulari f’Malta li qabżet il-medja tal-UE fl-2023 bi 19.8%, filwaqt li rrikonoxxiet li dan it-tragward intlaħaq minkejja d-diffikultajiet li pajjiżna jaffaċċja minħabba riżorsi naturali limitati.
Suġġett ieħor li Malta enfasizzat dwaru huwa l-importanza li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ilma bħala parti mill-adattament. Malta, bħalissa, qiegħda taħdem fuq Pjan Nazzjonali għall-Adattament, b’enfasi partikolari fuq is-settur tal-ilma. B’mod proattiv, dan il-Pjan qiegħed ikun imħejji fid-dawl tal-iskarsità tax-xita u ż-żieda fil-livell tal-baħar. F’dan il-kuntest, Malta esprimiet appoġġ qawwi għall-Inizjattiva għar-Reżiljenza tal-Ilma li ġiet imnedija reċentement mill-UE.
Ħarsitna lejn l-2040 u ’l quddiem, il-Ministru Dalli qalet li Malta tappoġġja mira klimatika bbażata fuq ix-xjenza, iżda li għandha tkun ġusta u finanzjarjament sostenibbli. B’mod partikolari, il-Ministru saħqet fuq il-ħtieġa li l-UE tiżviluppa politiki li jqisu r-realtajiet u l-kapaċitajiet nazzjonali.
“Aħna pajjiż żgħir li eliminajna l-aktar fjuwils li jniġġsu u investejna f’enerġija rinnovabbli, imma rridu nindirizzaw ukoll sfidi f’oqsma oħra. Il-pakkett klimatiku li jmiss irid jirrifletti dan,” qalet il-Ministru Dalli.
Malta pproponiet aktar flessibbiltà bejn is-sistemi tal-kummerċ tal-karbonju tal-UE biex jaqblu mar-realtajiet nazzjonali, l-inklużjoni ta’ krediti internazzjonali ta’ integrità għolja fil-politika futura tal-UE, kif ukoll aċċess aħjar għall-finanzjament klimatiku għal stati żgħar, li ħafna drabi jiġu esklużi minħabba d-daqs jew il-kumplessità amministrattiva.