Waqt attività li fakkret l-għoxrin sena mill-ftuħ tal-lukanda Malta Marriott Resort & Spa, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li matul dawn l-aħħar għoxrin sena din il-lukanda stabbiliet ruħha bħala parti integrali mis-settur turistiku Malti. Huwa qal li investimenti massiċċi bħal ma sar fil-Malta Marriott Resort and Spa jibgħat sinjal ċar ta’ fiduċja fil-pajjiżna, u juri li kemm investituri lokali kif ukoll marki internazzjonali jemmnu fil-potenzjal tal-ekonomija Maltija u fil-futur tat-turiżmu f’pajjiżna. Huwa żied jgħid li dan kollu jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni għal turiżmu ta’ kwalità u valur għoli, hekk kif allinjat fil-Viżjoni Malta 2050.
Bħala parti min-netwerk globali ta’ Marriott International, il-lukanda tgħin biex Malta tkompli tissaħħaħ fis-swieq internazzjonali, b’mod partikolari fl-Istati Uniti, speċjalment fid-dawl tat-titjiriet diretti bejn New York u Malta li se jibdew joperaw minn dan is-sajf.
Il-Prim Ministru qal li f’mument ta’ inċertezza ġeopolitika f’diversi reġjuni tad-dinja, l-istabbiltà tibqa’ wieħed mill-akbar assi li għandu pajjiżna. Il-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jsaħħaħ il-prodott turistiku tal-pajjiż, itejjeb l-infrastruttura u jinkoraġġixxi investiment ta’ kwalità li jkompli jgħolli l-livell tal-industrija.
Dr Abela rrimarka li s-sena li għaddiet Malta laqgħet aktar minn erba’ miljun turist, b’infiq mit-turisti li laħaq kważi €4 biljun, żieda ta’ madwar 13% fuq is-sena ta’ qabel. Illum Malta tattira viżitaturi minn swieq diversi matul is-sena kollha, li jfittxu esperjenzi ta’ kwalità, kultura, gastronomija, benesseri u ospitalità Mediterranja awtentika.
Il-General Manager tal-Malta Marriott, Alex Incorvaja qal li din iċ-ċelebrazzjoni ta’għoxrin sena hija tragward sinifikanti għal kull min kien parti minn dan il-vjaġġ, mis-sidien u l-assoċjati sal-mistednin u s-sħab involuti. “Il-marka ewlenija tal-lukanda Marriott f’Malta hija aħbar eċċellenti għall-industrija tat-turiżmu lokali, għaliex tagħti firxa globali b’ aktar minn 270 miljun vjaġġatur, membru tal-programm Marriott Bonvoy Loyalty, li jipprovdi pjattaforma promozzjonali dinjija,” temm jgħid Alex Incorvaja.
Din il-lukanda fetħet il-bibien tagħha fl-2006 u ġiet rebranded fl-2020 b’parti minn programm ta’ investiment ta’ €40 miljun. Investiment li poġġa lil din il-lukanda fost il-lukandi lussużi ewlenin ta’ ħames stilel f’pajjiżna. Il-Malta Marriott Resort & Spa għandha 301 kamra, tilqa’ madwar 850 viżitatur u timpjega madwar 225 persuna.

