Ir-referee tal-FIFA Ishmael Barbara se jerġa’ jingħata l-kompitu tar-raba’ uffiċjal fis-semi-finali tal-Kampjonat tal-UEFA Euro U19 nhar il-Ħamis bejn Spanja u l-Italja.
Semi-finali oħra skedata għal nhar il-Ħamis f’Malta se tkun qed tara lill-koordinatur tar-referees tal-Malta FA Alan Mario Sant assenjat bir-rwol ta’ Referee Observer għall-konfront bejn il-Portugall u n-Norveġja.
Lura għar-referee tal-FIFA Ishmael Barbara, hekk kif is-semifinali se tkun ir-raba’ partita tiegħu li ġie fdat biha f’dan ir-rwol sinifikanti tar-raba’ uffiċjal f’dan il-Kampjonat Ewropew.
Preċedentement serva b’mod mill-aqwa f’dan l-istess rwol fil-partiti tal-gruppi, billi beda bl-ewwel partita f’dan it-tournament bejn il-Polonja u l-Portugall, aktar impenji għal Ishmael kienu logħbiet oħra tal-grupp il-Greċja kontra Spanja, u Spanja kontra n-Norveġja fl-aħħar partita ta’ Grupp B.
Għalhekk is-semi-finali Spanja v Italja se tkun it-tielet partita għal Ishmael Barbara assenjat bħala r-raba’ uffiċjal waqt il-partiti ta’ Spanja.