Wednesday, September 17, 2025

IMPENN AKBAR LEJN L-IŻVILUPP TAL-ĦILIET

Aqra wkoll

Kull attentat biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ ħiliet u diskrepanzi huwa kruċjali biex ikun żgurat li l-ħaddiema jkunu mħarrġa biżżejjed sabiex jilqgħu għal dak li jkun jeħtieġ s-suq tax-xogħol tal-lum u dak tal-futur. Li wieħed jinkoraġġixxi lill-istudenti jidħlu għal aktar suġġetti STEM, jiġifieri fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, u anke billi jkompli jitjieb il-kwalità tat-tagħlim huma strateġiji ewlenin biex ikunu indrizzati dawn in-nuqqasijiet u jiġu allinjati l-ħiliet ma’ dak li jeħtieġ is-suq tax-xogħol li qed jinbidel b’ritmu mgħaġġel ħafna.

F’dan ir-rigward, qed naraw isiru minn żmien għal żmien, numru ta’ taħditiet dwar il-karrieri, u anke żjarat fl-iskejjel minn professjonisti li jkomplu jkunu ta’ appoġġ għall-istudenti fil-vjaġġ edukattiv tagħhom. Dan fl-istess waqt li qegħdin jiġu aġġornati aktar il-kurrikuli, jiddaħħlu aktar għodod diġitali u jiġu introdotti aktar inizjattivi relatati mas-suġġetti STEM li jolqtu wkoll lil studenti iżgħar fl-età. 

B’dan il-mod, anke minn f’dik l-età żgħita, l-istudenti jibdew ikunu mrawma f’dawn is-suġġetti, li mhux biss għandhom rwol edukattiv u akkademiku, imma huma kruċjali għall-ekonomija tal-futur, ekonomija li tibqa tkun waħda sostenibbli, diġitali u mibnija fuq iżjed ħiliet ta’ kwalità. 

Il-Gvern qiegħed jagħraf ukoll il-potenzjal ta’ dan kollu billi qiegħed ikompli jinvesti iżjed f’dawn l-oqsma, li ingħataw importanza anke fid-dokument ta’ qabel il-budget għas-sena d-dieħla. Fil-fatt, qed jiġu introdotti bosta skemi biex aktar studenti żgħażagħ jipparteċipaw suġġetti STEM fil-qalba tal-komunitajiet.

Minbarra dan għandna għax nifhmu li l-Gvern huwa diġà impenjat li jkompli jinvesti u jibni s-setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan qed isir mhux biss biex l-istudent jibbrilla aktar fl-għarfien edukattiv tiegħu imma wkoll biex l-ekonomija ssib l-għodod kollha li jkollha bżonn biex tkompli għaddejja, tikber u titkattar għall-ġid għall-familji Maltin u Għawdxin.

Pajjiżna bħalissa qed jikseb l-ikbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan minnu nnifsu jagħti serħan il-moħħ lill-poplu li l-kwalità tal-ħajja li qed jgħix se tkompli titjieb u tissaħħaħ dejjem aktar. Prova li l-ekonomija qegħda hemm għan-nies.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport