Tuesday, June 3, 2025

IMPENN BIEX AKTAR NIES ISIRU SID TA’ DARHOM 

Aqra wkoll

Li wieħed jixtri proprjetà jew li jkun is-sid ta’ daru hija ħolma sabiħa li ħafna joħolmuha anki jekk m’hux xi proċess faċli. Iżda llum, din il-ħolma tista tinbidel f’realtà u dan bis-saħħa ta’ l-għajnuna u s-sostenn finanzjarju li qed jiġi offrut mill-Gvern b’diversi modi. 

F’dan il-kuntest, din il-ġimgħa timmarka pass importanti fl-impenn kontinwu tal-Gvern biex ikompli jappoġġja lil dawk li jixtru dar għall-ewwel darba. Skema din li ġiet introdotta mill-Gvern Laburista ta’ dawn l-aħħar snin baqgħet għaddejja sa issa.

Ngħidu dan għaliex fil-jiem li għaddew, preċiżament fl-aħħar jum ta’ Mejju ġie fi tmiemu l-perijodu li matulu setgħu jintefgħu applikazzjonijiet mill-first time buyers biex f’Ġunju tas-sena d-dieħla jibdew jitħallsu s-sussidju fl-iskema ta’ 1000 ewro kull sena għal għaxar snin.

Din il-miżura fuq kollox tenfasizza d-dedikazzjoni u l-impenn tal-Gvern preżenti biex kemm jista jkun, aktar nies, partikularment koppji żgħażagħ, isiru sidien ta’ darhom. Din l-għajnuna, li kienet imwegħda  fil-manifest elettorali tal-2022 tal-Partit Laburista, qiegħda titwettaq f’inqas minn sena minn meta tħabbret l-ewwel darba. 

Xieraq li nfakkru wkoll li din il-miżura hija parti mill-istrateġija ħolistika tal-Gvern biex ikompli jtejjeb is-settur tal-akkomodazzjoni, filwaqt li jħares lejn il-bżonnijiet diversi taċ-ċittadini.

Għalhekk, ninnutaw b’sodisfazzjon li minbarra din l-għotja, il-Gvern qed jimplimenta diversi miżuri oħra immirati lejn it-tisħiħ ta’ dan is-settur, bħall-bini ta’ housing soċjali u affordabbli, skemi ta’ self u l-benefiċċju tal-kera. 

Din l-għajnuna soċjali kollha, il-Gvern jista jagħtiha għaliex l-ekonomija ta’ pajjiżna tiflaħ u hija hekk mhux għal-lum biss imma huwa mbassar li se tkompli tikber u żżid fir-reżiljenza anki fis-snin li ġejjin.

Madankollu, il-prinċipju huwa wieħed, dak mnissel mit-twemmin sħiħ tal-Partit Laburista fil-ħaqq u l-ġustizzja soċjali u jibqa’ dak li f’pajjiżna kulħadd ikollu l-għajnuna u l-opportunità li jilħaq l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tiegħu biex ikun jista’ jasal fejn jixtieq. 

Turija ta’ kemm dan il-Gvern huwa verament gvern tan-nies u għan-nies.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport