Monday, May 13, 2024

Impenn għal aktar patrols f’żoni l-aktar ta’ sfida

Ikompli l-investiment fis-sigurtà ta’ pajjiżna, il-ħaddiema u l-familji tagħhom

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Il-Baġit għas-sena 2024 qiegħed jassigura li jkompli jinvesti fis-sigurtà ta’ pajjiżna, il-ħaddiema li huma strumentali li jagħtu dan is-servizz u l-familji tagħhom. Dan il-baġit se jerġa’ jara investiment kapitali qawwi fil-Korpi Dixxiplinati kollha kif ukoll f’entitajiet oħra li jaħdmu fis-settur tas-sigurtà”.

Dan iddikjara l-Ministru għall-Affarijiet Interni, Sigurtà, Riformi u Ugwaljanza, Byron Camilleri, wara li l-ġimgħa l-oħra ġie ppreżentat l-baġit tas-sena d-dieħla li fih sar aċċenn qawwi fis-setturi tas-sigurtà għal Malta ġusta, sigura u ugwali lejn ġustizzja effiċjenti.

Il-Ministru Camilleri qal lil dan is-sit li, “il-Korp tal-Pulizija se jibqa’ jersaq viċin aktar tal-komunità hekk kif is-servizz tal-Pulizija tal-Komunità, li issa nfirex mal-maġġorparti tal-pajjiż, se jkun qiegħed jopera mal-pajjiż kollu, se jkun hemm l-introduzzjoni ta’ rwol ġdid ta’ Police Patrol and Community Support Officer (PCSO), fejn l-irwol se jkun ta’ highly visible patrols kontinwi primarjament f’żoni l-aktar ta’ sfida, filwaqt li r-‘Roads Policing’ se  tkun skwadra speċjalizzata ġdida fil-Korp tal-Pulizija ffokata biex tassisti fis-sigurtà tat-toroq tagħna”. 

Huwa spjega li fil-baġit għas-sena d-dieħla se jibqa’ jkun hemm investiment sostantiv fil-Forzi Armati ta’ Malta hekk kif se jibda jopera b’mod sħiħ iċ-Ċentru Operattiv ġdid fil-Bażi Militari ta’ Ħal Luqa, investiment fis-sistemi korrettivi u r-rijabilitazzjoni, kif ukoll investiment massiċċ ta’ għodda bżonjuża lill-Protezzjoni Ċivili.

Sigurtà megħjuna mit-teknoloġija….

Il-Ministru Camilleri elabora li, “dan huwa baġit li jagħti attenzjoni speċjali lill-vittmi. Kemm permezz ta’ servizzi mill-Agenzija għas-support tal-vittmi tal-kriminalità u kemm servizzi ġodda lill-vittmi u possibilment vittmi ta’ vjolenza domestika, inkluż bl-introduzzjoni ta’ panic alarms”.

Żied li dan il-baġit jiffoka wkoll fuq is-Sigurtà megħjuna mit-teknoloġija kemm permezz tal-introduzzjoni tal-electronic monitoring b’qafas legali għall-ewwel darba f’pajjizna, kif ukoll b’investiment tal-aġenzija LESA.

Dan hekk kif l-aġenzija LESA se tinvesti fi proġetti teknoloġiċi, inkluż bl-użu ta’ cameras imqabbdin mal-control room tal-aġenzija u l-Korp tal-Pulizija biex iservu mhux biss ta’ deterrent, iżda wkoll ta’ azzjoni kontra l-abbuż u l-azzjonijiet kriminali. L-ewwel proġetti se jkunu fil-lokalitajiet ta’ San Ġiljan (inkluż Paceville), San Pawl il-Baħar (inkluż Buġibba u l-Qawra), il-Marsa u Raħal Ġdid.

“Għal darb’oħra l-Gvern reġa’ qiegħed jagħti l-prijorità tiegħu fil-qasam tas-sigurtà. Dan biex il-komunitajiet tagħna jibqgħu siguri. Iżda, fuq kollox, dan il-baġit se jerġa’ jwieżen lill-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati b’waħda mill-miżuri ewlenin tkun dik li jingħata Bonus Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja ekwivalenti għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja lil dawk intitolati għall-pensjoni tas-servizz u mhumiex qegħdin jircievu l-COLA,” temm il-Ministru Byron Camilleri.

Sport